Fit-tfittxija li kienet qed issir għal Sion Grech fil-Marsa kien involut ukoll wieħed mill-akkużati, Ismael Habesh li wkoll kien qal lill-Pulizija li kien qed ifittixha. Madankollu kien wara t-13 ta’ April tal-2005, ġimgħa wara li nqatlet li l-investigazzjoni kienet inbidlet għal dik ta’ omiċidju, u dan wara li nstab il-katavru tagħha fil-Marsa stess.
Dan ħareġ mix-xhieda tas-Supretendent Louise Calleja, li dak iż-żmien kienet stazzjonata l-vice squad u tinvestiga tlajjar fost oħrajn. Hija qalet li daħlilha rapport illi Sion Grech kienet nieqsa u kien missierha li għamel ir-rapport fejn qal li kien ilu ma jaraha mill-5 ta’ April filgħodu. Qal li ibnu kien ikun liebes ta’ mara u kien jagħmilha ma’ ċertu ħabib tiegħu Ismael Habesh, wieħed mill-akkużati.
Dawn id-dettalji ħarġu meta quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja kompla jinstema’ l-ġuri fil-konfront tal-Libjan Habesh Ismael, ta’ 52 sena u t-Tuneżin Mahouachi Faical ta’ 55 sena, li jinsabu mixlija bil-qtil tat-transgender Sion Grech fil-Marsa, liema qtill seħħ f’April tal-2005. Il-ġuri issa daħal fit-tieni jum tiegħu wara li kien beda nhar it-Tnejn, 9 ta’ Jannar.
L-Ispettur qalet li qabel instabet Sion, hi kienet tkellmet mal-mara ta’ Habesh, li qaltilha li hu kien id-dar fil-5 ta’ April, u wara qaltilha li ma tistax tikkonferma jekk reġax ħareġ jew le. Qalet li saret tfittxija fid-dar fejn kienet tgħix il-vittma u li misserha kien inkwetat ħafna minħabba li dejjem kienet torqod id-dar għax meta ma tkunx se jorqod id-dar dejjem jirċievi telefonata jew messaġġ.
Is-Supretendent qalet li matul l-investigazzjoni meta tkellmu ma’ Habesh kien ġie nnutat li kellu xi marki f’idejh. Ittieħed iċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana fejn ġie ċertifikat għal ġrieħi li kellu. Il-Pulizija tkellmu wkoll ma’ Grace Cini, li kienet ukoll titlajja fil-Marsa u din qalet mal-Pulizija li Grech kellha ġlieda ma’ klijent dakinhar li għebet.
Sion Grech kienet talbitha mobile sabiex iċċempel lil Habesh biex jiġi ħdejha. Qalet li Cini iżda ma kellhiex kreditu fil-mobile u marret iċċempel mill-White Stars Bar. Minn naħa l-oħra x-xhud qalet li mill-investigazzjoni li saret fuq il-mobile tal-vittma, instabu bosta telefonati fis-6 ta’ April mingħand ċertu Mark Borg, li iktar tard irriżulta illi Borg kien silef il-mobile lil Habesh sabiex jagħmel xi telefonati.
Is-Supretendent Calleja qalet ukoll li fil-kors tal-invstigazzjoni kienet kellmet lil ċertu Christian Penza. Fil-5 ta’ April dan kien il-Marsa, u kien ma’ Grech fil-vettura. Ħareġ li dawn kellhom xi jgħidu minħabba li l-vittma serqitlu l-mobile. Penza kien qal lix-xhud li Sion Grech ħaditlu l-mobile u ħarbet, u hu baqa’ sejjer minn fuq il-post lejn id-dar.
Habesh jagħti bil-ponn lill-vittma u ieħor kaxkru
Ix-xhud kompliet tgħid li f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda filmat ta’ CCTVs illi kien tajjeb għall-Pulizija biex ikollhom provi ċari. Kompliet tgħid li dakinhar tad-delitt, Jacqueline Rapinett, li kienet titlajja fil-Marsa kienet ma’ Sion Grech. Din kienet xehdet li Habesh u raġel ieħor waslu fuq il-post b’karozza ħamra u Habesh niżel mill-karozza u beda jġebbdu minn xagħru u jagħtih bil-ponn.
Rapinett kienet qalet ukoll li r-raġel l-ieħor ħareġ u kaxkar lill-vittma minn nofs it-triq għal ħdejn l-għalqa. Hija kienet taf x’ġara għax marret warajhom tittawwal, u hemmhekk rat lil Habesh u l-persuna l-oħra jagħtuh b’sikkina oħra. Rapinett kienet qaltilhom li semgħet lil Grech twerżaq. Dak il-ħin hi telqet ‘l hemm minħabba li kienet imfixkla u wara ftit marret lura u rat liż-żewġt irġiel isuqu ‘l hemm bil-karozza.
Ix-xhud qalet li skont Rapinett l-irġiel kienu rawha issegwi u qabel telqu qalulha li jekk titkellem kien se jiġrilha bħal Sion Grech. F’dan il-ħin il-ġurati ntalbu joħorġu ‘l barra minħabba illi kien hemm dubju minn naħa tad-difiża jekk ix-xhud hux se tagħmel referenza għall-istarrijiet ta’ Habesh. Dawn kienu ġew dikjarati inammissbbli mill-Qorti tal-Appell 2021 u għalhekk kellhom jitneħħew mill-proċess.
L-ewwel xhud fil-ġuri kien il-fotografu Jonathan Attard. Qal li kien imqabbad mill-Maġistrat inkwerenti biex jieħu ritratti mix-xena tar-reat. Qal li kien ġibed madwar 150 ritratt. Xehed ukoll l-eks Kuntisabbli Christopher Bonnici. Il-Qorti irreferitu mill-ewwel għal stqarrija ta’ Jacqueline Rapinett lura fl-2008, partikularment dwar domanda li saret lil Rapinett dwar ċertu Gejtu Scerri.
L-Imħallef Bugeja qralu l-istqarrija fejn Rapinett kienet qalet li Scerri kien l-għarus tagħha, u li fil-ġimgħa ta’ qabel ma nqatlet, Sion Grech kienet serqet xi drogi mill-vettura tiegħu. Rapinett kienet qalet li Gejtu kien jaf anke li l-vittma kienet qalgħet xebgħa dwar din is-serqa li kienet għamlet.
Il-Qorti staqsiet lix-xhud, jekk lura fl-2008, meta sema’ dan il-kliem, kienx kellem lil Gejtu Scerri, bix-xhud iwieġeb fin-negattiv. Bonnici qal li kien ħa passi kontrih f’okkażjoni oħra dwar akkużi separati u tenna li Gejtu Sceri kien il-‘pimp’ ta’ Rapinett u kien tressaq minħabba f’hekk. Bonnici huwa l-istess xhud li miegħu Rapinett kienet stqarret kollox wara li rċieva ittra anonima.
Sostna li meta mar biex jarresta lil Rapinett u jressaqha bi tlajjar u li tgħix minn fuq il-prostituzzjoni, hi laħqet tressqet mill-iskwadra ta’ kontra l-vizzji bl-istess akkużi. Tenna li dan kien f’Novembru tal-2005 meta Rapinett kienet għadha taħdem bħala prostituta, xhur wara l-qtil ta’ Sion. Mistoqsi jekk lil Rapinett tellahiex biex tixhed fil-każ kontra Gejtu Scerri, huwa wieġeb li le.
Fuq mistoqsija jekk mill-investigazzjoni li wettaq sabx jekk kienx hemm relazzjoni bejn Habesh u Faical huwa qal li le, “forsi kienu jafu xi ftit lil xulxin pero ma jidhirx li kien hemm xi relazzjoni ta’ ħbiberija”, qal ix-xhud. Għax wieħed wieġeb li bil-kemm jaf lil ieħor u l-ieħor wieġeb li ġieli rah iżda qatt ma kellmu.
F’ħin minnhom l-Prosekuzzjoni għamlet talba għar-rapport tat-temp tal-omiċidju bl-Imħallef Bugeja jirrimarka mal-Prosekuzzjoni illi l-proċeduri tal-ġustizzja mhumiex ġinnastika u m’għandhomx jiġġebbdu biex jaslu għall-għanijiet tagħhom. “Kellkom 18-il sena ċans biex iġġibu l-prova tat-temp, u la fl-inkjesta u lanqas fil-kumpilazzjoni ma ġibtuhom, ” tenniet il-Qorti.
Il-ġurati kif ilhom jagħmlu tul il-ġuri kollu il-maġġoranza tal-ġurati u xi mqaddiet kollha għamlu diversi mistoqsijiet lix-xhud. Is-Supretendent Louise Calleja ġiet mistoqsija jekk Jacquline Rapinett ġielix inġabret fl-2005, bix-xhud tgħid li ma tiftakarx jekk inġabritx dwar dan il-każ.
“Ara lil min temmen, x’se temmen, u sa fejn se temmnu.” L-Imħallef
Mistoqsija jekk wara l-każ ta’ Sion Grech, qattx rat lil Rapinett fl-akkwati, qalet li ma tafx. Mistoqsija oħra kienet dwar jekk meta tqis l-istat mentali ta’ dawn in-nies anke minħabba d-droga li kienu jieħdu, jekk il-Pulizija kinitx temmen kulma jgħidu?
L-Imħallef dlonk wieġeb li dik it-tip id-domanda ma tistax tiġi magħmulha. Il-ġurat hawn irribatta billi qal “għax hawn bniedem, irrid nara nibagħtux il-ħabs jew le fuq xhieda ta’ din il-persuna.” L-Imħallef Bugeja qallu “Welcome to judgehood. Hawn trid tosserva, imbagħad ara x’temmen u x’ma temminx, imbagħad meta tiġi għas-si u n-no trid tiddelibera b’mod reqq. Ħadd ma jista’ jgħidlek, lanqas jien. Qas jien ma nidħol fihom dawn l-affarjiet. Dak issa f’idejkom.”
It-tabib Michael Sammut xehed li għamel testijiet fuq il-kampjuni mill-kadavru ta’ Sion Grech. Hu tenna li fl-istonku u l-fwied instab il-metadone. Qal li din hija mediċina li tintuża minn persuni li jkunu vvizzjati bid-droga. Żewġ Surġenti tal-Pulizija xehdu flimkien fejn qalu li kienu l-uffiċjali fuq ix-xena tar-reat u assistew fi tfittxija fil-flat fejn jgħix Habesh fil-Mosta.
Minn hemm ġiet elevata sikkina u ammont ta’ droga. Raw is-sikkina fil-Qorti li ġiet elevata u kkonferma li dik hija l-istess sikkina li kien hemm id-dar. Fuq mistoqsija tal-Qorti qalu li ma jiftakrux jekk kienx hemm xi apparat marbut mas-sajd fid-dar ta’ Habesh.
Xhud ieħor kien Andrew MacDonald, xjentist forensiku mir-Renju Unit li permezz tal-video conferencing qal li għamel testijiet tad-DNA fuq oġġetti li tawh il-Pulizija Maltija. Tenna li fit-21 ta’ April tal-2005 ingħata kampjun mill-marrara ta’ Sion Grech, swabs minn ħalq Habesh u sieħbu Jamal, dwiefer ta’ Grech, diversi ħwejjeġ, u diversi swabs mill-vettura Mark Escort ħamra, fosthom mis-seats, gear leaver u tapiti fost affatijiet oħra.
Sostna li saru l-profili tad-DNA tal-persuni differenti. Mis-sikkina li ġiet elevata mir-residenza ta’ Habesh irriżulta li din verament kienet tiegħu minħabba li nstab id-DNA fuqha. Id-DNA tiegħu nstab ukoll fuq ingwanta. Anke fil-vettura Escort Mark 2 jidher li kien hemm DNA li jaqbel ma’ Habesh
Il-ġurati staqsew jekk dat-testijiet sarux tajjeb. Ix-xhud qal li l-kampjuni ma kellhom xejn ħażin, Ikkonferma wkoll li taħt id-dwiefer tal-vittma ma nstab ebda DNA, jew xi DNA li jaqbel ma xi persuna. Fuq mistoqsija oħra jekk hemmx mod kif persuna tista’ tneħħi t-traċċi tad-DNA minn fuq oġġett, ix-xhud qal illi jista’ jkun hemm każi fejn minkejja li persuna tuża oġġett, xorta waħda ma tħallix DNA fuqu, iżda qal li huwa diffiċili ħafna biex la darba jkun hemm id-DNA fuq oġġett, dan jitneħħa.
L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jidhru għal Habesh filwaqt Simon Micallef Stafrace qed jidher għal Mahouachi. L-Avukat Roberto Montalto qed jidher bħala parte civile għall-familja Grech. L-Avukaħti Anthony Vella u Abigail Caruana Vella qed imexxu l-Prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.