Internazzjonali

Il-Brażil: Mandati ta’ akkuża relatati mal-irvellijiet tat-8 ta’ Jannar

L-Avukat Ġenerali tal-Brażil ressaq mandati  ta’ akkuża kontra 39 persuna dwar is-sehem allegat fl-assedju fuq il-kumpless tas-Senat fi Brasilia. L-assedju tat-8 ta’ Jannar kien jinvolvi eluf ta’ sostenituri tal-eks President Brażiljan Jair Bolsonaro li attakkaw il-bini tal-Gvern biex jipprotestaw dwar it-telfa tal-istess Bolsonaro fl-elezzjoni presidenzjali tas-sena li għaddiet.

Il-mandat tal-akkuża jsostni li l-individwi inkwistjoni, li ma ssemmewx b’isimhom, użaw il-vjolenza u t-theddid biex jippruvaw ikissru lis-sistemi demokratiċi fil-Brażil. Min-naħa tiegħu, Bolsonaro qed jiċħad li hu seta’ kien l-ixprun għal dik il-vjolenza – b’kull sinjal ta’ theddida għad-demokrazija fil-Brażil jitqies b’serjetà kbira f’pajjiż li għadda minn snin ta’ tmexxija militari li ntemmet fl-1985.

Bolsonaro, politiku estremista tal-lemin, jinsab l-Istati Uniti meta s-sostenituri tiegħu huma rrabjati dwar is-suċċess elettorali tal-President Brażiljan attwali, Lula da Silva, li, fl-2017, kien instab ħati dwar korruzzjoni u qatta’ xi żmien il-ħabs qabel is-sentenza spiċċat invalidata.

Fl-aħħar jiem saru l-mijiet tal-arresti relatati għall-vjolenza tat-8 ta’ Jannar li rriżultat fi ħsarat kbar lill-palazz presidenzjali, il-bini tal-Kungress u l-Qorti Suprema fi Brasilia.

Dan meta l-awtoritajiet fil-kapitali Brażiljana qed jaħdmu biex jirduppjaw il-preżenza tas-sigurtà fis-sede tal-Amminsitrazzjoni  – anki jekk il-mandat inkwistjoni ma jispeċifikax jekk id-dimostranti setgħux kisru l-liġijiet kontra t-terroriżmu. Il-Gvern Brażiljan, qabel, kien issuġġerixxa li s-suspettati fl-irvellijiet inkwistjoni anki setgħu jiffaċċjaw l-akkużi fuq dik il-bażi.