Lokali Parlament

Il-gvern qed inaqqas l-istandards fil-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards

Bernice Bonello, PN

Id-deputat Nazzjonalista Bernice Bonello sostniet fil-parlament li l-gvern qed inaqqas l-istandards fil-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards.

Bernice Bonello qalet li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards m’għandux kollu l-fiduċja mkissra u sostniet li l-gvern irid inaqqas l-istandards tal-mod kif ikun maħtur il-Kummissarju għall-Istandards. Il-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti fuq l-isem ta’ persuna waħda u mhux jifhem li jekk ma jiksibx il-fiduċja taż-żewġ naħat ma jkunx qed jirrispetta lanqas lill-istess persuna nominata.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li din hi kariga li titlob serjetà u sosniet li dan hu l-mument tal-politika tal-persważjoni. Il-gvern qed jipproponi metodu bil-maqlub tal-persważjoni u qed jagħzel it-triq il-faċli biex jasal fejn irid minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu wara. M’hemmx dubju li b’rieda tajba l-gvern u l-Oppożizzjoni jistgħu jsibu soluzzjoni, sostniet Bernice Bonello, li kompliet li l-gvern qed juri kemm għandu rasu iebsa.