L-awtoritajiet Ukreni fi Dnipro waqqfu t-tfittxija għan nies li qed jingħad li spiċċaw taħt it-tifrik ta’ blokk ta’ appartamenti li kien inqered fi tmiem il-ġimgħa, waqt attakk bil-missili mill-qawwiet tar-Russja.
Dan meta issa hu konfermat li nqatlu 44 ċivili Ukreni b’kaġun tal-attakk, bis-servizzi għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, isostnu li hemm talanqas 20 oħra rappurtati nieqsa u li ma reġgħux dehru minn wara l-attakk.
Il-mejtin, sadanittant, jinkludu numru mhux ikkonfermat ta’ tfal, bil-Gvern Ukren qed jikkundanna lir-Russja dwar atroċità oħra kontra l-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna. Sar magħruf ukoll mal-40 ruħ inħelsu minn taħt it-tifrik tal-bini, bl-awtoritajiet mediċi jikkonfermaw li l-attakk inkwistjoni ħalla bejn 80 u 100 midruba.
L-isparatura bil-missili fuq iz-zoni residenzjali ta’ Dnipro kienet l-aktar waħda qattiela għaċ-ċivili Ukreni mill-bidu ta’ din il-kampanja ta’ bumbardamenti mir-Russi fuq l-ibliet tal-Ukranja. Dan meta l-aħħar azzjoni mis-servizzi għall-emerġenzi Ukreni fis-sit tal-bini involviet is-sejba ta’ katavru ta’ tfajjel li nqala’ minn taħt it-terrapien.
Sadanittant, Oleksiy Arestovych, wieħed mill-konsulenti għall-President Ukren Volodymyr Zelensky irriżenja wara li ssuġġerixxa li l-missila li qerdet il-bini tal-appartamenti fi Dnipro kienet twaqqgħet mill-artillerija tal-Ukrajna.
Il-missila li qerdet il-bini kienet tat-tip Kh-22 u sigħat wara l-attakk, Arestovych, qal li l-missila inkwistjoni kienet waqgħet fuq il-bini meta ntlaqtet mill-isparar tal-qawwiet tad-difiża Ukreni.
Intant, dan il-kumment – li kien ferm differenti mir-rapporti uffiċjali tal-Gvern Ukren – ikkaġuna għadab kbir fl-Ukrajna, bl-awtoritajiet Russi jippruvaw jużaw dan il-kumment biex jippruvaw iwaħħlu l-qtil taċ-ċivili fuq it-truppi Ukreni.
Hemm anki xi sorsi f’Moska li qegħdin jgħidu li l-Ukreni stess sparaw fuq il-blokk tal-bini ‘bil-ħsieb li jpittru lir-Russja fl-agħar dawl possibbli’.
Fil-fatt, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni tal-Kremlin, qal li l-qawwiet Russi ‘mhumiex qed jimmiraw għad-djar tar-residenti ċivili’ waqt li ssuġġerixxa li l-attakk fi Dnipro kien dovut għall-militar Ukren.
Peskov sostna li ‘ir-Rappreżentanti tal-Gvern Ukren ukoll waslu għall-istess konklużjoni ta’ Moska’, b’Oleksiy Arestovych issa qed jipprova jdawwar id-diskors ta’ qabel, bl-ispjegazzjoni li hu, minuti wara l-qerda tal-bini, kien qed jitkellem biss dwar teorija preliminarja.
Il-belt ta’ Dnipro, fejn jgħixu kważi miljun ruħ, isservi bħala hub għat-trasport tal-provvisti lill-qawwiet Ukreni fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-Lvant tal-Ukrajna. L-istess belt, fl-aħħar ġimgħat, spiċċat bħala mira ewlenija għall-missili tar-Russi li jridu jeliminaw dan il-hub akkost ta’ kollox.
//= $special ?>