Lokali Parlament

Il-Prim Ministru jrid il-poter waħdu li jagħżel il-Kummissarju għall-Istandards

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru jrid il-poter waħdu li jagħżel il-Kummissarju għall-Istandards.

Fil-parlament Adrian Delia qal li l-parlament mhux qed jiżen l-abbiltà tal-ex Prim Imħallef Joseph Azzopardi iżda biex issir analiżi tal-komportament tal-Prim Ministru Robert Abela li meta kien iffaċċjat b’għażla biex jaħtar lill-Kummissarju għall-Istandards, hux sew li jikkomporta ruħhu b’dan il-mod.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Kummissarju għall-Istandards twaqqaf ftit snin ilu bi qbil fil-parlament biex jiskrutinja propju lid-deputati kollha. Din hi d-differenza fundamentali għaliex mhux tajjeb li l-Kummissarju għall-Istandards jingħażel mill-Prim Ministru jew mill-gvern bla qbil mal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia kompla li l-Kummissarju għall-Istandards qiegħed hemm biex jagħti garanzija lin-nies li d-deputati qed iġibu ruħhom sew u għalhekk irid maqbul bejn iż-żewġ partijiet. Hu qal li l-Prim Ministru stess nieda din il-liġi u riedha tgħaddi b’saħħha biex jiddeċiedi hu min jagħmel dan l-istrutinju.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li mhux veru li l-PN kien ippropona li jkun hemm l-istess mudell biex tinstab soluzzjoni għaliex il-PN qatt ma kien qed jirreferi għall-Kummissarju għall-Istandards iżda fuq għażliet oħra fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap Kamandant tal-Forzi Armati u l-Kap taċ-Ċivil. Dwar dawn għad m’hemmx il-liġi taż-żewġ terzi. Għalhekk l-argument tal-gvern li l-PN kien ippropona l-istess mekkaniżmu assolutament mhux minnu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN diġà wera li lest jaqbel mal-Kummissarju għall-Istandards għaliex diġà qabel meta nħatar l-ewwel Kummissarju għall-Istandards. Mhux sew u mhux iddettat mil-liġi li l-parlament jiddiskuti l-persuna li se ssir Kummissarju għall-Istandards għaliex il-parlament jiddiskuti l-mod kif jingħażel. Hu qal li d-diskussjoni għandha tkun jekk il-Prim Ministru għandux jingħata s-saħħa sproporzjonata li waħdu jiddeċiedi min jagħmel l-iskrutinju fuqu.