Raġel li qala tiri Lejlet l-Ewwel tas-Sena waqt li kien qed jirranġa xi ċnut fl-għelieqi tiegħu f’Raħal Ġdid, allegatament mill-ġar tiegħu, bidwi bħalu qal li sema’ ħoss qawwi u besa jħoss uġigħ stantanju hekk kif xi ċomb laqtu fuq wiċċu. L-inċident seħħ waqt li kien qed jirranġa ċ-ċnut tal-injam li kien jifred l-għalqa tiegħu mill-propjetà ta’ maġenbu, ta’ Martin Delia.
Iż-żewġ ġirien kienu ilhom ma jilletikaw u kienu wkoll involuti f’diversi kawżi fil-Qorti qabel l-episodju tal-isparatura. Dakinhar filgħodu, għall-ħabta tas-7.15am, Anthony Azzopardi kien irċieva telefonata minn Delia jilmenta dwar il-kelb tar-razza ‘fox terrier’ tiegħu.
Il-kelb kien b’xi mod irnexxielu jsib triqtu fil-proprjetà ta’ Delia, li skont hu għamel ħsara lill-wiċċ tal-basal ta’ ibnu. “Taf li ma bgħattx il-kelb jien. Għidli minn fejn għadda u nirranġaha ċ-ċint,” wieġbu Azzopardi. Delia saħaq li l-kelb kien għadda minn żona fejn oħt Azzopardi żammet xi papri. Iżda Azzopardi ċaħad li, u qal li kieku l-kelb resaq lejn dik iż-żona, kien jattakka lill-papri.
Madankollu, aktar tard dakinhar filgħodu, beda jaħdem, iċċekkja ċ-ċnut tal-injam u rranġa kull żona li kellha bżonn tiġi sostitwita. Hekk kif wasal fuq il-post qrib il-papri, sema’ tir, segwit minn ieħor, u ma damx ma lemaħ lill-ġar tiegħu flimkien ma’ ibnu, Michael.
“Aw Martin, għidli minn fejn għadda l-kelb,” sejjaħ Azzopardi lill-ġar tiegħu. Għal darb’oħra Delia rrimarka l-post ħdejn il-papri. Hekk kif Azzopardi tbaxxa biex jispezzjona l-‘fencing’, sema’ ħoss qawwi. “Pumm. Smajt l-isplużjoni qawwija f’widnejha u ħassejt uġigħ f’wiċċi,” fakkar Azzopardi, meta xehed fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Delia, li qed iwieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil.
Hekk kif ħares ‘il fuq, ra lil Delia jimmira u jerġa’ jispara “Ken xi 12-il pass ‘il bogħod,” qal il-vittma. It-tiri laqtuh f’rasu, spallejh u sidru u li d-demm kien iħareħ mal-post kollu hekk kif ħarab, jgħajjat għall-għajnuna u jieħu kopertura wara siġra.
Ħuh u oħtu, li kienu joqogħdu ħdejn il-post tal-inċident, ħarġu biex jgħinuh u ħaduh l-isptar. Ix-xhud identifika lill-ġar tiegħu fil-Qorti u kkonferma li kien rah jimmira x-shotgun tiegħu tal-kaċċa fid-direzzjoni tiegħu. “Ippruvajt nikkopera u nżomm il-paċi,” qal Azzopardi, li saħaq li t-tnejn ma kinux qed jargumentaw.
“L-anqas xejn. Ippruvajt insolvi l-problema billi rranġajt l-ilqugħ.” Mill-isparatura, qal, huwa spiċċa bi problemi f’għajnejh ix-xellugija, jara leħħqa ta’ dawl u qed jirriskja li jitlef il-vista. Għandu wkoll difett f’widnejh u l-pellets taċ-ċomb għadhom ġewwa ġismu, qal ix-xhud meta avukat difensur irrimarka li l-vittma ma kellux marki viżibbli.
Aktar kmieni fis-seduta, l-Ispettur Wayne Camilleri fakkar kif kien tkellem ma’ Azzopardi ftit wara li ddaħħal għall-kura ta’ emerġenza. Huwa kien miksi bid-demm u kien ċert li kien l-akkużat li spara lejh. Kien hemm “xi storja” bejniethom, b’diversi kawżi fil-Qorti li jikkonċernaw titolu ta’ proprjetà fuq l-artijiet ta’ maġenbhom.
Lura fuq il-post tad-delitt, espert tal-qorti ngħata l-kompitu li jiġbor filmati mis-CCTV cameras pożizzjonati madwar l-artijiet ta’ Delia. L-espert mill-ewwel innota li partijiet mill-filmati kienu tħassru. Ġewwa l-proprjetà tal-akkużat kien hemm safe miftuħ, mingħajr katnazz.
Hemmhekk, il-Pulizija sabet tmien armi tal-kaċċa kollha rreġistrati f’isem iben l-akkużat. Madankollu, aktar kontrolli wrew li d-disa’ arma tan-nar, xkubetta tal-kaċċa Luigi Franchi, kienet nieqsa. Iben l-akkużat kien interrogat ukoll u għalkemm għall-ewwel saħaq li d-disa’ armi kienu flokhom, wara ammetta li dik l-arma nieqsa kienet x’imkien ieħor. L-iben wassal lill-investigaturi lejn il-farmhouse u wara li ħadem ġewwa kamra, mifnija bil-ħwejjeġ, ħareġ l-arma. Minn dik il-kamra nġabru wkoll tliet kaxxi ta’ munizzjon
Camilleri rrimarka wkoll li tliet uffiċjali kienu rrappurtawlu kif is-suspettat tal-qtil kien irrimarka fil-preżenza tagħhom li “jiddispjaċih li l-vittma baqa’ ħaj” u li “ried itemm dak li kien beda”. Dawk il-kummenti saru allegatament waqt li l-uffiċjali kienu qed jeskortaw lil Delia mill-isptar għall-lockup tal-pulizija.
Is-seduta ġiet fi tmiemha b’talba oħra għal libertà proviżorja, bid-difiża tenfasizza l-kundizzjoni medika serja tal-akkużat li kellu bżonn kura tad-dijalisi kull tliet ijiem u kellu wkoll kundizzjoni tal-qalb. Il-Prosekuzzjoni ċaħdet li xorta seta’ jingħata trattament waqt li l-akkużat ikun il-ħabs u sostniet li persuni ċivili għad iridu jixhdu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, mistennija tiddeċiedi dwar it-talba fil-jiem li ġejjin L-avukati tak-AĠ Kaylie Bonnett u Nathaniel Falzon qed imexxu l-Prosekuzzjoni . L-avukati José Herrera, Matthew Xuereb, Daniel Attard, Arthur Azzopardi u Jacob Magri huma avukati difensuri. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru bħala parte civile.
//= $special ?>