Lokali

Life Network Foundation tħabbar 7 flatlets residenzjali ġodda għan-nisa u t-tfal

Life Network Foundation, entità impenjata għall-protezzjoni u t-tisħiħ tan-nisa u t-tfal, ħabbret il-kisba ta’ seba’ flatlets residenzjali ġodda matul il-Life Week 2023. Dawn il-flatlets ġew imfassla biex jgħinu u jsaħħu lill-ommijiet u wliedhom li jkunu qattgħu żmien jgħixu f’Dar Tgħanniqa ta’ Omm mat-trabi tat-twelid tagħhom, u li issa huma lesti biex jagħmlu l-ewwel pass lejn ħajja indipendenti.

Miriam Sciberras, iċ-Chairman ta’ Life Network Foundation qalet li jinsabu impenjat li jipprovdu r-riżorsi meħtieġa lin-nisa u t-tfal sabiex jirnexxu. Dawn il-flatlets ġodda huma pass importanti lejn it-tisħiħ tan-nisa u l-kisba tal-indipendenza personali tagħhom.

Christie Zammit, l-Uffiċjal Amministrattiv ta’ Dar Tgħanniqa ta’ Omm qalet li l-esperjenza tagħhom uriet li pass ċkejken lejn għajxien kompletament indipendenti jagħti lill-ommijiet u lil uliedhom l-aħjar opportunità ta’ futur b’saħħtu u indipendenti. Għalhekk, l-għan ta’ dawn il-flatlets huwa li jgħinu lil dawn in-nisa waqt li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom jew jidħlu f’impjieg full-time.

Il-flatlets se joffru lill-ommijiet l-opportunità li jistudjaw jew jaħdmu waqt li jibqgħu joqogħdu hemm sa tliet snin. Is-seba’ flatlets ġew akkwistati u din il-ġimgħa qed jibdew xogħlijiet ta’ tisbiħ. It-tama tagħhom hi li jkunu disponibbli biex jilqgħu l-ewwel residenti sa Mejju 2023.

Il-Life Network Foundation bħalissa għaddejja b’ħidma għal ġbir ta’ fondi bl-għan li sa nhar il-Ħadd 22 tiġbor 50,000 ewro għall-ħidma tagħha li tissarraf f’appoġġ, edukazzjoni u promozzjoni.