L-awtoritajiet meteoroloġiċi fir-Renju Unit wissew dwar jiem konsekuttivi ta’ friża, meta t-temperaturi kapaċi jibqgħu konsistenti bejn il-ħames u ħdax il-grad taħt iz-zero sa, almenu, il-lejl tal-Ġimgħa.
Il-maltemp iddominat mill-borra u l-irwiefen bis-silġ li qegħdin jonfhu mill-Artiku mistenni jikkumplika l-ħajja għall-mijiet tal-eluf tal-Britanniċi matul il-ġranet li jmiss….Dan ukoll meta l-akbar problemi għan-nies u l-‘commuters’ għandhom ifeġġu fil-ħinijiet tar-rush hour u waqt l-aktar ħinijiet attivi għat-trasport pubbliku u privat.
Il-Met Office Britanniku fil-preżent qed joħroġ kontinwament it-twissijiet dwar il-kaos potenzjali matul il-jiem li ġejjin u meta qed jiżdiedu r-rapporti dwar l-inċidenti tat-traffiku b’kaġun tal-elementi ħorox.
Filwaqt li t-traffiku sar ‘impossibbli’ f’toroq prinċipali bħall-M25 u l-M6, kelliema għas-sistema tal-ferroviji — li tinkludi Thameslink, Gatwick Express u Southern Rail – ikkonfermaw li l-ferroviji mhumiex qed jivvjaġġaw bl-istess veloċità minħabba l-inċidenza tal-għargħar b’konsegwenza tax-xita qawwija. Intant, il-passiġġeiri qed ikunu mitluba biex jieħdu paċenzja bid-dawmien u t-tul eżaġerat tal-vjaġġi minħabba ċ-ċirkustanzi.
L-aktar bnadi fir-Renju Unit li mistennija jaraw inżul ta’ borra f’dawn il-jiem jinsabu fil-parti ta’ fuq tal-Iskozja u Wales, kif ukoll fir-reġjuni tatT-ramuntana u x-Xlokk tal-Ingilterra. Dan meta l-inħawi ta’ Kent, Northumberland, Carlisle u Falkirk huma indikati bħala z-zoni prinċipali għall-inżul tal-borra kontinwa.
It-twissijiet dwar il-borra u s-silġ huma attivi wkoll għall-inħawi lejn il-Grigal tal-Ingilterra u diversi bnadi fl-Irlanda ta’ Fuq – bir-rapporti mill-Ingilterra jikkonfermaw anki kriżi ta’ għargħar fl-inħawi ta’ York, Bournemouth, Dorset u Essex.
//= $special ?>