Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal żagħżugħ u s-sieħba tiegħu wara li ferew ħafif lil ommu

Żagħżugħ ta’ 24 sena residenti Ħaż-Żabbar u s-sieħba tiegħu ta’ 20 sena residenti Birkirkara, ġew ikkundannati sentenza sospiża ta’ ħabs wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia li fis-sajf li għadda ferew ħafif lil omm iż-żagħżugħ.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-aggressjoni seħħet fit-13 t’Awwissu li għadda f’residenza fi Triq Santa Marija, f’Ħaż-Żabbar. Huma ammettew ukoll li dakinhar ikkawżaw lill-vittma biża’ li kienet se tintuża vjolenza kontriha. Iben l-omm instab ħati wkoll li sar reċidiv.

Huma ma nstabux ħatja li heddew lill-vittma waqt l-aggressjoni. Il-Maġistrat Farrugia wara li qieset l-ammissjoni tal-koppja, anke jekk mhux waħda bikrija, imma qieset ukoll il-gravità tar-reat, ikkundannat liż-żagħżugħ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u lis-sieħba tiegħu 18-il xahar priġunerija sospiżi għal erba’ snin. 

Il-Qorti ħarġet ukoll, fil-konfront tagħhom, ordni ta’ trażżin għal tliet snin u qiegħdet lill-ħati taħt ordni ta’ superviżjoni għal tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.