Lokali Qorti

Sion Grech qalgħet diversi daqqiet ta’ sikkina fosthom f’qalbha u ma nqatlitx fejn instabet -Id-difiża tibda l-każ tagħha

L-espert forensiku Mario Scerri qal lill-Qorti fil-ġuri li qed jinstema’ fil-konfront ta’ żewġt irġiel li Sion Grech ma nqatlitx fl-għalqa fejn instabet fil-Marsa filwaqt li l-vittma kienet sofriet minn diversi daqqiet ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta. Dr. Scerri qal li Grech kellha qatgħa fonda fil-parti privata qatgħa, sidirha u oħra fl-irkoppa fost diversi daqqiet oħra fil-partijiet ta’ ġisimha, li kienu jinkludu anke fuq moħħha u għonqa.

Saħaq li ll-katavru kellu ħafna ġrieħi għax il-vittma kienet qed tipprova tiddefendi lilha nnifisha. Spjega li meta jkun hemm id-demm, dan jiżloq ħafna u għalhekk il-ġisem tal-vittma aktar jinqata’ malajr b’dawn it-tip ta’ ġrieħi. Dawn il-fatti kollha juru li l-vittma kienet konxja li kienet qed tiġi aggredita u kienet qed tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tiddefendi lilha nnfisha. 

Wara x-xhieda tal-espert Mario Scerri xehdu l-patoloġisti Maria Therese Camilleri Podesta u Ali Safraz li qalu li l-vitma qalgħet ukoll daqqiet f’qalbha. Fi tmiem ix-xhieda tagħhom il-Prosekuzzjoni ddikjarat li m’għandhiex aktar provi xi tressaq.

Id-difiża qalet li hi m’għandhiex provi xi tressaq u se tistrieħ fuq ix-xhieda miġjuba mill-Prosekuzzjoni. Hawn id-difiża ta’ Habesh u wara ta’ Mahouachi bdiet tressaq il-każ tagħha u tispjega lill-ġurati għaliex l-akkużati għandhom jiġu lliberat. L-Erbgħa jkun imiss il-Prosekuzzjoni li tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha dwar il-każ.

L-espert forensiku qal ukoll li għalhekk ukoll li kellha ħafna ġrieħi fuq pala tal-id, is-swaba’ u difrejn imtajrin fost ġrieħi oħra. Il-ġuri daħal fit-tieni jum tat-tieni ġimgħa tiegħu quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja. F’dan il-ġuri hemm akkużati l-Libjan Habesh Ismael, ta’ 52 sena u t-Tuneżin Mahouachi Faical ta’ 55 sena, li jinsabu mixlija bil-qtil tat-transgender Sion Grech fil-Marsa, liema qtil seħħ f’April tal-2005.

Fix-xhieda tiegħu li ta l-espert ħareġ li kien hemm ukoll qatgħat twal u fondi fuq is-sider u oħra aktar fonda li ppenetrat organu tal-ġisem. Kien hemm aktar qatgħat fuq il-bqija tal-ġisem. Id-daqqiet bl-istrument li jaqta’ u bil-ponta kienu l-aktar ikkonċentrati fuq is-sider u ’l fuq.

Il-ġuri issa daħal fit-tieni jum tiegħu wara li kien beda nhar it-Tnejn, 9 ta’ Jannar. Mix-xhieda diġa’ rriżulta li Grech, qalgħet xejn anqas minn 17-il daqqa ta’ sikkina. Mario Scerri xehed li fit-13 ta’ April tal-2005 kien instab katavru f’għalqa fil-Marsa. Hu xehed li l-katavru kien liebes ġakketta mċappsa b’’decomposition fluids’, u kellha ħafna dud fuqha. Il-vittma kienet liebsa ukoll flok iswed imċarrat u dublet qasir blu. Qal li Grech kienet ilha ħafna jiem mejta.

Fuq ix-xena kien hemm mobile, kien hemm kontraċċettiv u munita. Spjega li parti minn xogħolhom hu wkoll li jaraw kienx hemm sinjali oħra bħala dawk ta’ kommossjoni. Xehed li fl-għalqa ma kienx hemm sinjali ta’ ġlieda u għalhekk l-indikazzjoni huma li Sion Grech ma nqatilx fl-għalqa fejn instabet.

L-awtopsja saret fil-kamra mortwarja dak iż-żmien fl-isptar San Luqa. Huwa qal li fil-proċess ta’ dekompożizzjoni, ix-xagħar jibda jaqa’ u tiġi esposta l-qurriegħa. Fuq ix-xellug tal-moħħ, il-vittma kellha qatgħat magħmula bi strument li jaqta’ u bil-ponta.

Fuq il-lemin tal-għonq kien hemm qatgħat aktar fondi milli wiesgħa. Aktar ’l isfel kien hemm qatgħa, fuq l-ispalla l-leminija kien hemm qatgħa oħra u fuq id-dirgħajn tal-lemin kien hemm qatgħa oħra. Jispjega d-differenza bejn qatgħat twal u oħrajn fondi.

L-espert forensiku mqabbad mill-Qorti qal li l-vittma kienet liebsa qalziet ta’ taħt aħmar u kien hemm qatgħa fonda fil-parti privata tagħha, qatgħa fonda fir-riġel, oħra fuq l-irkoppa kollha kompatibbli ma’ strument bil-ponta u li jaqta’. Grech kienet liebsa ġakketta mċappsa b’’decomposition fluids’, u kellha ħafna dud fuqha.

Kienet liebsa flok iswed imċarrat u dublet qasir blu. Il-vittma kienet ilha ħafna ġranet mejta. Tenna li fil-post ħdejn il-ġisem mejjet ta’ Grech kien hemm mobile, kontraċċettiv u munita. Qal li parti minn xogħolu u tal-kollegi tiegħu hu wkoll li jaraw kienx hemm sinjali oħra bħala dawk ta’ kommossjoni. Sostna li fl-għalqa ma kienx hemm sinjali ta’ ġlieda u għalhekk l-indikazzjoni huma li Sion ma nqatilx fl-għalqa fejn instabet.

Dr. Mario Scerri komplja jgħid li l-awtopsja saret fil-kamra mortwarja fl-isptar San Luqa. Huwa fiehem ukoll lill-ġurati li fil-proċess ta’ dekompożizzjoni, ix-xagħar jibda jaqa’ u tiġi esposta l-qurriegħa. Fuq ix-xellug tal-moħħ, il-vittma kellha qatgħat magħmula bi strument li jaqta’ u bil-ponta.

Fuq il-lemin tal-għonq kien hemm qatgħat aktar fondi milli wiesgħa. Aktar ’l isfel kien hemm qatgħa, fuq l-ispalla l-leminija kien hemm qatgħa oħra u fuq id-dirgħajn tal-lemin kien hemm qatgħa oħra. Dr. Scerri xehed li hu kien eżamina lill-akkużat Ismael Habesh fit-9 ta’ April 2005 fuq il-każ ta’ għajbien ta’ Sion Grech.

Tenna li numru ta’ ġrieħi li sab fuq idejh fosthom qatgħat li kienu jidhru li saru xi jiem qabel. Kien hemm xi partijiet ta’ fjammazzjoni u ‘scratch marks’. Iż-żmien meta saru l-qatgħat kollha kien l-istess. Ix-xhud temm jgħid li l-qatgħat fuq il-pala tal-id il-leminija relatati ma’ teħid ta’ droga, tbenġila relatata ma’ ‘blunt trauma’ (feriti magħulha minn oġġett iebes) xi erba’ t’ijiem qabel, id leminja qatgħat li saru bi strument bil-ponta fl-istess perjodu, qatgħa fuq id ix-xellugija wkoll fl-istess żmien, liema qatgħat kollha kienu ta’ natura ħafifa.

Daqqiet ta’ sikkina fil-qalb

Wara Dr. Mario Scerri xehdu l-patoloġisti Maria Therese Camilleri Podesta u Ali Safraz li ġew inkarigati mill-Maġistrat Inkwerenti biex jagħmlu l-awtopsja. Qalu li parti mill-wiċċ fuq in-naħa tax-xellug tal-katavru kienet nieqsa. Qalu li l-vittma qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’qalbha u fuq l-arterja ewlenija tal-qalb.

Mistoqsija fil-kontroeżami x’inhuma ‘post mortem abrasions’, il-patoloġisti qalu li dawn huma brix li saru wara l-mewt. Mistoqsija jispeċifikaw eżatt dwar iż-żmien tal-mewt, huma qalu li l-vittma mietet bejn is-6 u t-8 ta’ April 2005. Fil-bidu tal-ġuri t-Tlieta filgħodu nqrat ix-xhieda tat-tabib Mark Rosso, li jinsab indispost.

Huwa kien qal li kien eżamina lil Ismael Habesh, u li kien rah fid-9 t’April 2005 fit-3.30 p.m. wisq probabbli fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana. Fix-xhieda tiegħu huwa kien sab li l-katavru kellu qtugħ superfiċjali f’idu x-xellugija, fil-pala ta’ jdejh li ma kinux friski u saru xi jumejn jew tlieta qabel u żewġ feriti fuq il-polz tax-xellug.

Hu sab ukoll li kellu swaba’ maħmuġin biż-żejt. Kellu wkoll marki li juru li huma kompatibbli ma’ abbuż mid-droga. Dak iż-żmien, meta mistoqsi jindentfikah fl-awla, ma kienx għaraf lil Ismael Habesh, għax qal li kien jara wisq nies u ma jiftakarx.

Jingħalqu l-provi tal-Prosekuzzjoni

Wara x-xhieda tal-patolġisti li wettqu l-awtopsja fuq il-vittma l-Prosekuzzjoni ddikjarat li m’għandhiex iżjed provi x’tipproduċi f’dan il-każ. Id-difiża minn naħa tagħha qalet l-istess u ddikjarat li mhux se tressaq provi iżda se tistrieħ fuq il-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni.

L-Avukat Edward Gatt jgħid li Jacqueline Rapinett ma tistax tiġi emmnuta

L-Avukat Edward Gatt qal li t-teżi ta’ Jacqueline Rapinett, il-mara li xehdet fil-Qorti li rat lill-akkużati joqtlu lil Sion Grech ipprovajna nagħmlu domandi biex naraw jekk xhieda tagħha nistgħux noqgħodu fuha, u ma rnexxilniex. Huwa qal li għalhekk sabiħ ikollok ġurija, hija xi ħaġa ġusta. “Jekk temmnu dak li qal Dr. Mario Scerri li l-vittma ma nqatlitx fil-post fejn instabet, allura Rapinett ma qalitx is-sewwa,” qal l-Avukat Gatt.

“Tridu taraw dak li rrakkontat Jacqueline Rapinett jirrispettax il-verità tal-ħajja. Tafu x’ġara u x’ma ġarax fl-episodju meta nqatlet Sion Grech. M’aħniex niġġustifikaw il-qtil ta’ din il-persuna. Mela tista’ b’xi mod tiġġustifika qtil barbaru, selvaġġ ta’ persuna ta’ 20 sena u tiddefendi qtil? Mhux għax il-kawża tgħid ir-Republika ta’ Malta kontra Habesh, aħna qed neħduha kontra r-Republika ta’ Malta. L-istess Republika tagħtina drittijiet.

“M’għandix x’naħbi fid-difiża tiegħi. Kollox se nindirizza. Provi jimmarkaw lejn direzzjoni waħda. Diffiċli temmen lil Rapinett. Dan ġuri mimli preġudizzji. Jekk hi droga, ambjenti ta’ abbuż ta’ droga, drug addicts, persuni ta’ karattru orribbli għandna wkoll. Anki il-lok, li jissemma l-Marsa, anki l-inħawi. Persuna nqatlet b’sikkina, ajma ħej Libjan.

“Ara ma taħsbux li meta qatlu Maltin, ma qatlux bis-sikkina wkoll. Għandna nies li meta jaraw Libjan iħossu sens ta’ skomfort. Nitlobkom biex tagħmlu sforz biex taslu għall-ġudizzju u twarrbu l-preġudizzji. Ġustizzja dejjem fiha tliet elementi, miżien biex tanalizza, xabla għax jiġi l-mument li tiddeċiedi u l-velu fuq l-għajnejn” qal l-Avukat Gatt.

“Jekk Dr. Mario Scerri qalilna li l-grief jista’ jmur lura għalih piu o meno, kien hemm l-episodju tal-qtil, kien attentissimu kif grief sabu ruħhom hemm. Saru domandi speċifiċi. Per eżempju, minn 16-il swab, wieħed minn ma’ gear leaver biss ġie eżaminat. Għalhekk tridu tiddeċiedu fuq il-provi li rriżultawkom hawn ġew” kompla jgħid l-Avukat.

“L-akkużati huma innoċenti sal-ħin li toħorġu bil-verdett tagħkom. Jew taqblu ma’ Rapinett jew le. Ara ma taħsbux li għax l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali analizza l-provi u ħareġ l-akkużi, tridu tbaxxu raskom. Kieku dan huwa l-każ, il-Qrati qegħdin għalxejn! Ma taħdimx hekk. It-tmiem tal-istorja hawn trid issir mhux fl-uffiċini ta’ Spettur jew tal-Avukat Ġenerali.

“Il-prova li jkollkom quddiemkom twassalkom għal probabiltà? Jekk aktarx iva milli le, Sion Grech ma nqatilx hemm imma nġieb il-katavru tiegħu hemm. Jekk temmnu li probabbli hekk ġara, ikun ifisser li r-rakkonti ta’ Rapinett huma gidba

“Hawnhekk għandna taħwida mania. Meta taqbdu l-istorja kif qalet Rapinett, araw hemmx dubju kif iddettat mir-raġuni. Ma qablet xejn fil-verżjonijiet tagħha, apparti li tmeri lilha nnifisha, iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ imeruha wkoll. “Huwa dritt tal-akkużat li ma jgħid xejn. Jekk każ ma jkunx pruvat lil hinn minn kull dubju, tridu tilliberaw.

“Hawn dibattitu serju dwar meta mietet Sion Grech. Mhux qed ngħid li għax l-akkuża tgħid li nqatel fil-5 ta’ April għandkom toħorġu b’verdett ta’ mhux ħatja, imma tridu taraw sew lix-xhieda fejn kien hemm min ra lil Sion Grech fis-6 tax-xahar.

“Ir-riżultat ta’ Mario Scerri u dawk li għamlu awtopsja fit-13 u trid tmur ġimgħa lura, dentist li jgħidlek is-snin l-ewwel ħamest ijiem jibqgħu bojod u jibdew isiru roża wara ħamest ijiem u dawn kienu se jibdew isiru roża, il-patoloġisti qalu li nqatel bejn is-6 u t-8 ta’ April, kompla jgħid l-Avukat lill-ġurati.

Rapinett qalet lill-Pulizija li lil Sion Grech kaxkruha. Min kaxkru? Rapinett qalet li l-akkużati refgħu lil Sion imma ma tiftakarx min refagħha minn idejha u minn saqajha. Rajtuh il-passaġġ? Għaliex kien hemm il-passaġġ? Jekk terfa’ se tħalli passaġġ jew jekk tkaxkar tħalli trail ta’ ħaxix miksur! Ċirkostanzi fuq xena tad-delitt imeru lil Rapinett,” kompla jgħid l-Avukat Difensur.

“Rajna lin-nisa kollha li xehdu, kollha jeskluduha lil Rapinett. Fil-ħajja hekk jiġri? Meta tara lil xi ħadd jaqla’ xebgħa sikkina, titlaq taqdi bniedem? Fil-bidu tal-ġuri, avukat tal-Avukat Ġenerali qalilkom li għandna żewġ awturi, tistgħu tikkonkludu li wieħed huwa awtur u l-ieħor kompliċi. Biex wieħed ikun kompliċi jrid ikun hemm ‘common design’, ikollhom ħsieb wieħed.

“Rapinett torbot liż-żewġ akkużati li wettqud-delitt. Ma tgħidx wieħed żgur u wieħed inqas. L-ipoteżi qarrieqa ta’ Rapinett hi li għandna t-tnejn. Jekk f’moħħkom għandkom ħsieb li hemm xi wieħed, la Rapinett rabtithom flimkien u aħna għandna dubji fuq wieħed aktar minn ieħor, ifisser li l-istorja ta’ Rapinett m’għandhiex mis-sewwa,” tenna l-Avukat Gatt..

“Id-difiża tagħna hi li l-akkużati ma kinux huma li għamlu dak li seħħ lill-vittma. Rapinett lil min qed taħbi? Għaliex l-eks Spettur tal-Pulizija Chris Pullicino l-ħin kollu jtambar fuq id-droga? Habesh fuq xiex suppost qatel lil Sion Grech? Minħabba l-mara? Il-mara u Sion Grech kienu diġà ġew wiċċ imb wiċċ fil-Ħamrun,” qalet id-difiża.

Dr. Gatt staqsa; tista’ Rapinett tgħid x’rat fil-5 ta’ April? Meta dentist qal li snin Sion kienu bdew isiru roża u dan normalment jiġri wara li persuna tkun ilha mejta ħamest ijiem. Xhieda raw lil Habesh waħdu ħlief Rapinett. Reno tat-taxi ra lil Habesh waħdu, tal-White Bar ra lil Habesh waħdu, meta mar id-dar, mar waħdu, meta mar għand sieħbu Jamal, mar waħdu, Magro rah waħdu, Grace ratu waħdu, Alexia Gatt ratu waħdu bejn it-8.30pm u 9.30pm, qed nitkellmu.

Grace Gatt qalet li Ismael Habesh kien qalilha jekk tara lil Sion Grech tgħidilix li rajtni. Tafu li l-vittma kienet tgħir ħafna għal Habesh, li ra lil Grace (kienet titlajja l-Marsa) xi 10.30 p.m. u għalhekk qallha biex ma tgħidx lil Sion Grech li ratu. L-Avukat Gatt temm id-diskors tiegħu billi qal lill-ġurati li għandhom isibu nuqqas ta’ ħtija fil-konfront tal-ewwel, it-tieni u t-tielet kap ta’ akkuża li jinsabu mixlijin bihom iż-żewġ akkużati.

Katina b’ħolqa waħda maqsuma

Kien imiss lill-Avukat Simon Micallef Stafrace li wera beda d-difiża tiegħu għal klijent tiegħu Mahouachi fejn qal li l-fatti juru li l-akkużati huma innoċenti. Katina li tidher b’saħħitha imma l-mument li ħolqa tinqasam, il-katina tispiċċa fix-xejn. Il-katina qed tistrieħ fuq ħolqa waħda biss, ix-xhieda ta’ Jacqueline Rapinett. “Jekk issibu li dak li qalet Rapinett mhux mis-sewwa , ma tistgħux issibu lill-akkużati ħatja.

“Mahouachi Faical huwa kompletament nieqes minn kull prova li nġiebet quddiemkom. Hu jinsab hawn minħabba dak li qalet Rapinett. Titwemmen Jacqueline? Nemmen li Rapinett qed tigdeb. Insew għal mument ix-xhieda ta’ min ra lil Sion Grech ħajja fis-6 ta’ April, insew id-dubju li nħoloq mir-rapporti tal-patoloġisti, iżda wasalna għal ċertezza mir-rapport ta’ Mario Scerri”, qal l-Avukat tat-Tuneżin.

Hu għamilha ċara li l-vittma ma nqatlilx fl-għalqa. L-esperti li għamluha ċara li fis-7 ta’ April, Sion kienet għadha ħajja. Mela x’rat Rapinett fil-5 ta’ April? staqsa l-Avukat. Ma rat xejn għax ma kinetx hemm. Qal li lil Sion rawha l-għada tal-5 ta’ April, 2005.

L-Avukat Micallef Starace qal li meta niġu għal xhieda u twemmin ta’ xhieda, hemm tliet binarji. Lil min se temmen, tistax titwemmen u jekk iva fhiex se titwemmen. Lil min se temmen, huwa ċar li Rapinett ma tistax titwemmen u wieħed għandu jemmen lill-esperti tal-Qorti. Mela la Rapinett ma’ tistax titwemmen, l-akkużati ma jistgħux jinstabu ħatja.” Il-ġuri jkompli l-Erbgħa filgħodu bl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jagħmel ir-replika tiegħu.

L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jidhru għal Habesh filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jidher għal Mahouachi. L-Avukat Roberto Montalto qed jidher bħala parte civile għall-familja Grech. L-Avukati Anthony Vella u Abigail Caruana Vella qed imexxu l-Prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.