Hekk kif bdiet sena ġdida, Transport Malta ngħatat l-poteri permezz ta’ avviż legali sabiex tibda twettaq xogħol ta’ infurzar fuq l-użu tal-escooters f’pajjiżna. Dan l-infurzar jolqot kemm operaturi kummerċjali kif ukoll individwi oħra.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat l-Uffiċjali tal-infurzar fi ħdan Transport Malta wettqu diversi operazzjonijiet ta’ infurzar madwar il-pajjiż, fosthom San Ġiljan, Ta’ Sliema, San Pawl il-Baħar, u l-Gżira fost oħrajn, b’mod speċjali f’lokalitajiet fejn hemm użu qawwi minn dawn il-vetturi, sabiex jiġi żgurat li dawn qed josservaw il-liġijiet kollha tat-traffiku u kif ukoll tinżamm l-ordni pubblika.
Waqt dawn l-operazzjonijiet ġew elevati total ta’ 137 e-scooter għal diversi raġunijiet, fosthom liċenzja skaduta jew mhux imwaħħla mal-vettura, nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-vettura mal-Awtorità u anki vetturi bla polza ta’ assigurazzjoni valida. Operazzjonijiet ta’ din ix-xorta ser ikomplu jsiru fil-jiem li ġejjien sabiex ikun assigurat li l-operat ta’ dawn l-e-scooters ikun irregolat kif meħtieġ.
Is-Sur Patrick Pollacco, Direttur tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta qal li l-Awtorità hija kommessa biex tkun aktar viġilanti fl-infurzar billi ssaħħaħ il-preżenza tagħha fit-toroq tagħna. Dawn l-escooters qed jiġu elevati meta jirriżulta li r-regolamenti tat-traffiku mhux qed jiġu osservati. “Nappella lis-sewwieqa biex ikunu responsabbli u josservaw ir-regolamenti tas-sewqan”, qal is-Sur Pollacco.
Transport Malta tħeġġeġ lil kull min għandu dan it-tip ta’ vettura sabiex jirregolarizza ruħu mal-liġijiet eżistenti tal-pajjiż u josserva l-liġijiet tat-traffiku waqt li qed jagħmel użu minn dawn l-e-escooters. B’hekk ma jkunx hemm riskji fuq ħajjet is-sewwieq u lanqas fuq in-nies ta’ madwaru.
//= $special ?>