Lokali

AĠĠORNATA: Tmut wara li ttajret u ġiet attakkata mis-sewwieq bil-ġebel

Torka ta’ 30 sena tilfet ħajjitha wara li ttajret minn vettura misjuqa minn raġel ta’ 33 sena residenti Ħal Lija waqt li kienet għaddejja minn Triq Testaferrata, l-Gzira għall-ħabta tas-1am.

Il-karozza baqgħet dieħla fi stabbiliment tal-ikel tant li faqgħet il-ħġieġ tal-istess stabbiliment li jinsab biswit pompa tal-petrol. Fil-post issejjaħ tim mediku biex jassistu lill-vittma iżda sfortunatament, din tilfet ħajjitha ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei.

Sorsi li kienu fil-post qalu kif is-sewwieq kien aggressiv mhux biss lejn il-vittma iżda anke lejn dawk li pprovaw jagħtuha l-ewwel għajnuna. Ir-raġel qabad iwaddab knaten ta’ ġebel li waqgħu mill-istabbiliment kaġun ta’ dan il-każ.

Kien biss bl-użu ta’ taser gun tal-Pulizija li dan inżamm taħt kontroll. Wara li sarlu test, kien konfermat li r-raġel kien taħt l-effett ta’ xi sustanzi. Ix-xufier ittieħed l-Isptar u qiegħed jinżamm mill-Pulizija.

Mhux magħruf jekk is-sewwieq kienx jaf lill-vittma u b’hekk dan possibilment kien attakk pjanat jew inkella kienx biss inċident.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Nadine Lia filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.

Dan huwa t-tieni inċident tas-sena fejn persuna ttajret u mietet. Is-Sibt li għadda fis-7pm, anzjan ta’ 79 sena ttajjar fil-Marsa-Ħamrun Bypass.