Futbol Sport

Coppa Italia: Cremonese jeliminaw lil Napoli bil-penalties

(Ritratt: EPA)

Fl-unika partita tal-ġurnata mill-Coppa Italia, Cremonese għamlu dak mhux mistenni u eliminaw lil-leaders tas-Serie A Napoli wara l-għoti tal-penalties. Fi tmiem id-90 minuta l-iskor kien dak ta’ 2-2 biex fil-ħin barrani ma nbidel xejn u għalhekk il-konfront kellu jkun deċiż bil-lotterija tal-penalties.

Cremonese ssorprendew lill-avversarji meta fit-18-il minuta kienu huma li sabu x-xibka l-ewwel meta l-midfielder Svizzeru Charles Pickel xeħet ġewwa minn ftit metri l’ bogħod mil-lasta minn pass ta’ Okereke

Fit-33 minuta Napoli kisbu d-draw permezz ta’daqqa ta’ras tad-difensur ċentrali Juan Jesus. Carnesecchi salva l-ewwel konklużjoni ta’ Ndombele, madankollu Giovanni Simeone kien pront li jsib lil Jesus fil-pożizzjoni t-tajba sabiex jixħet ġewwa.

Tlett minuti wara Giovanni Simeone kiseb il-vantaġġ għal Napoli meta għeleb lil Carnesecchi b’daqqa ta’ ras eleganti minn kross ta’ Alessio Zerbin. Bil-kwalifikazzjoni ddestinata għan-Naplitani, l-attakkant ta’ 19-il sena Felix Afena- Gyan, li daħal bħala sostitut kellu pjanijiet oħra hekk kif b’daqqa ta’ ras għeleb lil Meret u sforza l-ħin barrani.

L-iskor wara nofs siegħa addizjonali baqa’ dak ta’ 2-2 biex imbgħad bil-penalties Cremonese rebħu 5-4 bl-unika plejer li falla kien il-midfielder ta’ Napoli Stanislav Lobotka.

Fil-Kwarti tal-Finali Cremonese issa jilagħbu kontra Roma fl-1 ta’ Frar.