Lokali Qorti

Eks Pulizija mixli bi qtil involontarju ta’ mara li kienet riekba fuq mutur f’Ħaż-Żebbuġ

Eks Pulizija ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar ġie mixli quddiem il-Maġistrat Monica Vella bi qtil involontarju ta’ mara ta’ 32 sena, resdienti l-Imtarfa f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ fis-17 ta’ Mejju tal-2020. Preżenti fl-awla kien hemm omm il-vittma u xi membri tal-familja tagħha.

Christopher Cutajar tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni dwar dan l-inċident fejn il-vittma Lisa Marie Curmi, li kienet riekba fuq il-mutur misjuq minn James Delmar, li dak iż-żmien kellu 40 sena u li kien weġġa’ ħafif f’dan l-inċident kienet fil-periklu tal-mewt u spiċċat tilfet il-ġlieda tagħha mal-mewt fis-27 ta’ Mejju, jiġifieri 10 t’ijiem wara.

Is-Surġent Mark Anthony Spiteri qal li dak inhar tal-inċident hu kien stazzjonat l-Għassa ta’ Ħal Qormi u mar fuq il-post fejn raha numru ta’ persuni fuq il-post minħabba nċident li kien seħħ fil-kareġġata li mill-iskola St. Dorothy fid-direzzjoni lejn ir-Rabat.

Il-mara kienet riekba fuq mutur Harley Davidson, li bl-impatt ma’ karozza Toyota Porte, spiċċa biex inqaleb. Ix-xhud qal li kienet informata l-Maġistrat tal-Għassa Marse-Anne Farrugia dwar l-inċident u nħatret inkjesta. Qal li fuq il-post kien hemm xi ftit konfużjoni u ħafna kienu dawk li kienu viċin il-mara, li għaliha waslet ambullanza u ttieħedet l-isptar akkumpanjata mis-sewwieq tal-mutur. Is-Surġent Spiteri qal li dak iż-żmiet fuq il-każ kien hemm l-Ispettur Alfredo Mangion.

Ix-xhud qal li huwa ħa lil Christopher Cutajar l-Għassa tal-Pulzija l-Għassa biex jagħti l-verżjoni tiegħu dwar l-inċident. Huwa ql li kien mar jaħsel il-karozza u meta mar biex joħroġ għat-triq fejn sar l-inċident, spiċċa fuq il-lane ta’ barra u sema ħoss.

Is-Surġent qal li kien kellem ukoll mara li kienet qed issuq wara l-mutur li qaltlu li hekk kif il-karozza ħarġet fuq il-kareġġata ta’ fejn kien qed jinstaq il-mutur, dan ħa brejk kbir u tilef il-kontroll.

Xehed ukoll is-Surġent Jurgen Borg Maggi li qal li dak inhar kien xogħol fid-Distrett ta’ Ħaż-Żebbuġ u kien ra mara ma’ l-art li kienet qed tiġi assistita minn tar-Red Cross. Huwa kien ħa ukoll xi filmati tas-CCTV’s li hemm fil-qrib.

Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Dominic Micallef, L-Avukat Lennox Vella għan-nom tal-familja tal-vittma u l-Avukat Arthur Azzopardi, li  nforma lill-Qorti li għas-seduta li jmiss se jkun hemm xi tibdil f’xi akkużi fil-konfront tal-akkużat, qed jidher għas-sewwieq tal-mutur.Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Clayton Camilleri. Il-każ se jkompli fil-15 ta’ Frar fil-12.15pm.