Lokali Qorti

Żvolta fil-ġuri ta’ ‘Sion’ : “Żball tal-AĠ fit-tieni u t-tielet akkuża” – L-Imħallef jibda l-indirizz bil-verdett mistenni l-Ħamis

Wara spjega twila ħafna għaliex l-akkużati fil-qtil ta’ Sion Grech għandhom jinstabu ħatja, l-Uffiċjal Prosekutur minn naħa tal-Avukat Ġenerali talab lill-ġurati sabiex ma jsibux lill-akkużati ħatja f’dak li jirrigwarda t-Tieni u t-Tielet kap ta’ akkuża, dik li użaw sikkina fl-omiċidju u li użawha mingħajr permess.

L-Avukat Anthony Vella qal lill-ġurati li sar żball min-naħa tal-Prosekuzzjoni li xliet lill-imputati b’liġijiet li dak iż-żmien, ta’ meta seħħ ir-reat, meta dawn ma kinux għadhom daħħlu fis-seħħ. Dan kien xokk għas-sistema legali fejn wara li temm id-diskors tiegħu, għamlet ir-replika tagħha d-difiża, bl-Imħallef Aaron Bugeja jibda l-indirizz tiegħu lill-ġurati fejn dan mistenni jtemmu l-Ħamis biex wara jibgħat lill-ġurati jiddeliberaw biex jaslu għall-verdett.

Madankollu l-Prosekuzzjoni qalet li l-Libjan u t-Tuneżin mixlija bl-omiċidjiu għandhom jinstabu ħatja ta’ lp-Ewwel Kap tal-Akkużi, dik ta’ qtil volontarju. “Fatti xjentifiċi jikkorraboraw ma’ dak li qalet Jacqueline Rapinett, ix-xhud prinċipali fil-qtil ta’ Sion Grech fl-2005. L-espert Mario Scerri qal li l-feriti kieni frontali u dan isaħħaħ l-argument tagħha meta hija tat id-depożizzjoni tagħha.

“Mill-banda l-oħra l-investigaturi ħadmu l-każ b’serjetà u li meta saru jafu b’Rapinett il-Pulizija investigaw b’reqqa u kkonfermaw il-fatti kollha. Il-fatti li xehdet dwarhom Rapinett, u l-fatt li ma pruvatx iżżid jew tnaqqas, juri l-awtentiċità tax-xhieda tagħha”.

L-Uffiċjal Prosekutur mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella li flimkien mal-Avukat Abigail Caruana qed imexxi l-każ qal li d-difiża t-Tlieta għamlet bosta allegazzjonijiet, fosthom li sar xi frame up jew li l-akkużati ma kinux huma, iżda imbagħad id-difiża ma tellgħu lil ħadd jixhed dwar dan.

Dwar ix-xhieda tal-espert forensiku Mario Scerri, hu qal li din ikkonfermat li l-vittma Sion Grech verament inqatlet fil-5 ta’ April tal-2005. Qal li d-difiża qed tipprova tqajjem dubju billi ssemmi xi partita tal-football li kien hemm dakinhar. Huwa fakkar ukoll lill-ġurati li l-vittma dak inhar għaddiet minn passjoni liema bħala u kienet konxja ta’ dak li kien qed iseħħ.

Wara s-sottomissjonijiet minn naħa tad-difiża li saru t-Tlieta filgħaxija issa kien imiss lill-Prosekuzzjoni tressaq il-każ tagħha f’ġuri daħal fit-tmien jum tiegħu u li qed isir quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja. F’dan il-ġuri hemm akkużati l-Libjan Habesh Ismael, ta’ 52 sena u t-Tuneżin Mahouachi Faical ta’ 55 sena, li jinsabu mixlija bil-qtil tat-transgender Sion Grech fil-Marsa, liema qtil seħħ f’April tal-2005.

Mix-xhieda diġa’ rriżulta li Grech, qalgħet xejn anqas minn 17-il daqqa ta’ sikkina, bil-katavru tagħha jinstab fit-13 ta’ April tal-2005, f’għalqa fil-Marsa, madwar ġimgħa wara li nqatlet. L-Avukat Vella qal li nstabet lighter f’idejn Sion Grech, u qal illi kieku din kienet imċaqalqa, il-lighter ma kinitx se tibqa’ f’postha.

Dwar dak li xehed l-espert forensiku Mario Scerri, qal li l-ebda espert mhuwa se jgħid b’ċertezza illi l-vittma nqatlet jew ma nqatlitx fuq il-post u tenna li l-espert ikollu biss parti żgħira mill-istampa. Il-Prosekuzzjoni qalet li Dr Scerri wasal għal konklużjoni li l-vittma ma nqatlitx fl-għalqa iżda x’imkien ieħor. L-Avukat Vella qal li dan wasal għal din il-konklużjoni skont l-evidenza li kellu dak iż-żmien. Qal illi ma tagħmilx sens dak li xehed Dr Scerri dwar il-kommossjoni minħabba li dawn kienu f’għalqa u mhux f’post abitat u għalhekk kwalunkwe kommossjoni ma tistax tiġi nnutata.

L-Uffiċjal Prosekutur qal illi l-ebda investigazzjoni mhija perfetta. “Qatt mhu se jkollna l-biċċiet tal-jigsaw puzzles kollha. Qatt mhu se jkollna pittura mikxufa kollha kompletament. Imma tridu taraw kif b’xi mod taraw l-istampa kollha.” Sostna li ma jagħmilx sens li jintefa piż fuq il-fatt li l-esperti xehedu li d-delitt sar bejn is-6 u t-8 ta’ April, għaliex bejn il-ħin li sar id-delitt u s-6 ta’ April hemm biss ftit siegħat.

Qal illi l-ġuri hawnhekk mhuwiex dwar ix-xogħol tal-Pulizija, iżda huwa dwar ir-reati li allegatament wettqu ż-żewġ akkużati. “Tfittxux iċ-ċertezza. Iċ-ċertezza hija biss tad-divin,” qal l-Avukat Prosekutur. Meta reġa’ tkellem dwar Rapinett qal li din kienet rat lil Habesh isawwat lil Sion Grech, u li bid-daqqiet dan waqa’ mal-art.

“Sion intilfet minn sensieha iżda mhux bilfors ifisser li ntilfet minn sensieha kompletament. Il-vittma xorta waħda ppruvat tiddefendi ruħha kontra Habesh. Qal kif ħareġ Faical Mahouachi mill-karozza Ford Escort, l-akkużati flimkien qabduh u ġarrewh fl-għalqa. “Rapinett rathom jagħtuh bis-sikkina. Veru li ma qalitx jekk kellhomx sikkina waħda jew tnejn, iżda b’dak kollu li bdiet tara dak il-ħin nikkumpatuha u nemmnu li jekk kienx hemm sikkina waħda jew tnejn, mhux importanti.”

L-AĠ ma ndirizzax l-argument dwar meta verament mietet il-vittma – L-Avukat Edward Gatt

L-aħħar kelma hija tad-difiża u għalhekk l-ewwel argumenti dwar il-każ bdew isiru mill-Avukat Edward Gatt li qal li l-Avukat Ġenerali ma indirizzax l-argument sew fuq meta mietet verament Sion Grech. Qal li atoloġispti qalu li din ma nqatlitx fil-5 ta’ April, hemm ukoll id-dentist ta’ l-istess idea.

Qal li anke minn dak li ġie nnutat fl-aċċess, fi Triq Aldo Moro, l-AĠ qal ma jieqfux. Staqsa jekk jistax ikun illi fid-9.30pm. jistax ikun li ebda persuna ma rat xejn. “Jista’ jkun li l-uniku darba li m’għaddewx vetturi minn Aldo Moro kien fil-5 ta’ April, fid-9.30pm ?”

Sostna kif Rapinett dak il-ħin hi stess qalet li marret twaqqaf il-karozzi u nzerta li waqaf klijent tagħha. Mela hi stess waqqgħet l-argument għax karozzi dak il-ħin kienu għaddejjin. Huwa talab lill-ġurati sabiex meta jiddeliberaw ikunu sodi f’dak li jemmnu fih. “Oqogħdu attenti x’tagħmlu hemm ġew, għax meta toħorġu minn hawn, jekk tiddeċiedu ħażin taf tkun deċiżjoni illi tibqa’ ttaqqalkom għal għomorkom.”

Dr. Gatt qal li hija farseska l-fatt li l-Pulizija bi żball qerdu l-ittra anonima li fiha kien hemm l-informazzjoni dwar Rapinett. Qal li mix-xhieda ta’ Rapinett m’hemm xejn korroborat. Tenna li n-nisa li kienu xogħol dakinhar, kollha kemm huma, qalu li fil-5 ta’ April tal-2005 lil Jacqueline Rapinett ma rawhiex il-Marsa. “Ikun fair hekk li nsibu l-ħtija? Din qed tgħid li rat delitt dakinhar iseħħ. U kulħadd kelma waħda, li Rapinett lanqas biss kienet xogħol il-Marsa.”

L-Avukat Gatt qal li argument ieħor li ma jagħmel l-ebda sens hu li Rapinett darba qalet li rat lil Habesh joħroġ is-sikkina, u darb’oħra rat lil Faical. Qal li din dejjem semmiet sikkina waħda. “Allura jagħmel sens li f’dak il-mument l-akkużati xxerjaw is-sikkina” tenna l-Avukat Difensur.

Staqsa kif wieħed jista jemmen ix-xhieda mhux veritiera ta’ Rapinett. Il-Pulizija bagħtu għal Rapinett tliet snin wara minħabba l-ittra anonima, pero kulħadd jaf li kull min kien hemm dak il-lejl, ġie mitkellem. “Mela allura għaliex ma ġietx mitkellma man-nisa l-oħra Rapinett?”, staqsa Dr. Gatt.

Dwar ix-xhieda tal-espert Mario Scerri, li kien iddubitat mill-Prosekuzzjoni, Gatt qal li dan huwa espert forensiku tal-affari tiegħu u li għandu snin twal ta’ esperjenza. Huwa tkellem dwar il-grif li kellu ma jdejh Habesh u li taħt id-dwiefer ta’ Sion Grech ma stab ebda DNA ta’ Ismael Habesh.

Mario Scerri qal illi anke li kieku instab DNA, peress li l-persuni kienu jafu xulxin, xorta waħda ma jistax jikkonkludi illi kieku kien ifisser li Habesh marbut mad-delitt. “Ma tistgħux ma toqgħodux ma’ dak li qal l-espert Mario Scerri, bniedem ta’ esperjenza kbira, u fakkar kif Mario Scerri qal illi d-delitt ma sarx fl-għaqla minħabba li mill-esperjenza tiegħu ma nnotax kommozzjoni.

L-esperjenza tal-espert Scerri wasslet biex induna li biex ingaħtaw 17-il daqqa ta’ sikkina kien ikun hemm ta’ l-inqas traċċi ta’ demm. Iżda ma kienx hemm u ma kienet innutata anqas tħarbit jew kommossjoni. Huwa ma qabilx ma’ dak li qal l-Uffiċjal Prosekutur li ma nstabx demm minħabba li dan inxtorob kollu kemm hu mill-ġrieden u mid-dud.

Mill-bidu tal-ġuri kulħadd kelma waħda fil-ġuri, biex ħadd ma jispekula, mbagħad l-Prosekutur jgħid illi d-dud xorbu d-demm. Dr. Gatt staqsa dwar xi provi tressqu f’dan ir-rigward. “X’interess kellha Jacqueline Rapinett? Għaliex ħbietlu lill-‘Uomo’? Għax sirna nafu li dan l-għarus tagħha u kien il-pimp ukoll? Jaqaw kienet taf xi ħaġa dwaru? Min kien il-‘Uomo’? Kif ma kellmuhx il-Pulizija?”.

Wara għamel is-sottomissjonijiet finali tiegħu dwar il-każ l-Avukat tad-Difiża wkoll Simon Micallef Stafrace li qal li jekk wieħed jannaliżża l-provi mhemmx dubju li l-Prosekuzzjoni ma ppruvatx il-każ mija fil-mija. Hemm wisq toqob u konsenturi huwa qal u mhemmex provi biex l-akkużati jinstabu ħatja u għalhekk il-ġurati għandhom joħorġu b’verdett ta’ mhux ħati.

Wara beda l-indirizz tiegħu lill-ġurati l-Imħallef Aaron Bugeja fejn għandu jkompli l-Ħamis filgħodu biex wara jibgħathom jiddeliberaw biex jaslu għall-verdett. L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila qed jidhru għal Habesh filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace qed jidher għal Mahouachi. L-Avukat Roberto Montalto qed jidher bħala parte civile għall-familja Grech.

frontali.