Lokali

“Għall-Partit Nazzjonalista, is-skiet tal-Kummissarju tal-Pulizija mhux risposta”

F’ittra biex iwieġeb lit-tliet membri tal-Partit Nazzjonlista fil-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi; id-deputat Darren Carabott, id-deputat David Agius u id-deputat Graham Bencini,  il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà rrifjuta li jirrispondi għal kollox il-mistoqsijiet li sarulu bil-kitba fir-rigward tal-kuntratti mogħtija mill-korporazzjoni Enemalta lill-konsorzju Electrogas.

Matul konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat tal-PN u Chairman tal-PAC Darren Carabott spjega kif il-Kummissarju naqas milli jirrispondi żewġ mistoqsijiet sempliċi u għal kollox indipendenti mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija: jekk irċeviex ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti tal-Electrogas u jekk hux dispost li jiġi jixhed quddiem l-istess Kumitat Parlamentari.

Ritratt: Martin Agius

Min-naħa tiegħu, id-deputat tal-PN u membru tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi Graham Bencini fakkar kif l-erba’ Deputati Laburisti fil-Kumitat ivvotaw kontra li l-Kummissarju tal-Pulizija jixhed dwar il-kuntratti tal-Power Station mogħtija lill-Electrogas.

Ritratt: Martin Agius

Għaldaqstant, fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħad li t-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista bagħtu mistoqsijiet bil-miktub, bl-iskop li jkun assigurat li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jiffunzjonaw u jħarsu l-valuri tal-interess pubbliku nazzjonali, il-kontabbiltà u t-trasparenza.

Waqt il-konferenża tal-aħabarijiet, it-tliet kelliema tal-PN stqarrew li fir-risposta tal-Kummissarju, il-Partit Nazzjonalista kien jistenna aġir aħjar. Kien jistenna li l-Kummissarju jagħżel li jiġi u jikkomunika r-risposti tiegħu quddiem il-Kumitat Parlamentari, iżda minflok, Angelo Gafà għażel li jkompli u jingħaqad mar-retorika politika tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Fil-fatt, l-istess skuża li stqarr il-Kummissarju tal-Pulizija fl-ittra tiegħu intużat ukoll mill-erba’ Deputati Laburisti fil-Kumitat biex waslu biex ivvotaw kontra t-talba tal-Partit Nazzjonalista, li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun imħarrek biex jixhed.

Ritratt: Martin Agius

Il-kelliema komplew li, filwaqt li l-Kummissarju kkonferma indirettament li hemm investigazzjoni għaddejja dwar l-Electrogas, il-Partit Nazzjonalista jfakkar lil Angelo Gafà li hu stess kien xehed quddiem il-PAC fil-5 ta’ Novembru 2014, meta dak iż-żmien Spettur, dwar investigazzjoni oħra.

Fakkru wkoll li eks Kummissarji tal-Pulizija kienu diġà għażlu li jagħtu x-xhieda tagħhom quddiem dan l-istess Kumitat u għalhekk, din ma kinitx se tkun l-ewwel darba li ġrat.

Ritratt: Martin Agius

Fid-dawl ta’ dan, d-deputat tal-PN u membru tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi David Agius insista li l-Partit Nazzjonalista jiddikjara li se jkompli jaħdem u jappella lil Angelo Gafà biex, f’ġieh it-trasparenza u l-kontabbiltà, jaċċetta l-istedina u jixhed quddiem il-Kumitat.