Lokali Saħħa

“Għandkom xi formula biex is-siġar ikabbru n-nurses?” – JoEtienne Abela

Mill-pantomima… għas-siġar…

Il-Ministru tal-Anzjani JoEtienne Abela kompla jispikkaw bil-kummenti “mhux tas-soltu” li qed jagħti lil Net News. U wara li l-ġimgħa li għaddiet qalilna li żmien il-pantomimi għadda, issa spicca jkellimna dwar is-siġar.

“Jekk il-PN għandu xi formula li jista’ jħawwel xi siġar li fiha jikbru n-nurses nixtieq li tgħidulna biha” – Il-Ministru JoEtienne Abela

JoEtienne Abela tana din it-tweġiba meta dan l-istazzjon saqsih dwar in-nuqqas kbir ta’ infermieri; fatt li ilha snin tisħaq dwaru l-MUMN.

Il-Ministru Abela minn naħa tiegħu qalilna li l-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul irnexxielha timpjega 77 infermier ġdid u li għalih dan in-numru huwa biżejjed.

Il-Ministru: L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul fl-aħħar ġimgħat irnexxiela timpjega 77 sena infermier ġdid.

Ġurnalist: Taħseb li hu biżejjed dan in-numru?

Il-Ministru: Jien naħseb li huwa biżejjed iva.

Wara dan il-kumment Net News għamel kuntatt ma’ Paul Pace, il-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, illi iddeskriva din l-istqarrija bħala turija tan-nuqqas ta’ esperjenza u rispett lejn l-infermiera.

“Il-fatt li l-Ministru jaħseb li 77 infermier huwa biżejjed turi n-nuqqas ta’ esperjenza u rispett li l-Ministru għandu lejn l-infermiera. Din mhux kwistjoni ta’ x’taħseb.. kieku huwa Ministru tal-affari tiegħu, hemmhekk hemm stabbiliti nurse to patients ratios ta’ kemm għandhom ikunu l-infermieri ma’ Category 1 tal-anzjani. Dan mhux x’taħseb, m’għandux idea x’inhu nurse, għax fl-inkjesta wera li nurse u carer għalih huma xorta. 77 infermier mhux biżejjed” – Paul Pace, President tal-MUMN

Paul Pace qal li bin-numri ta’ infermieri li l-pajjiż għandu bħalissa, hemm bżonn immedjatament naraw dak li jeħtieġu l-isptarijiet tagħna.

“Pajjiżi oħra fl-Ewropa mhux x’jaħseb il-Ministru, jekk JoEtienne Abela jrid ikun jaf kemm hemm suppost infermiera, aħna lesti ngħaddulu d-dokument uffiċjali ħa jaqrah”