Ninsabu xxokkjati b’dak li seħħ fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu.
Sostniet dan l-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u Ristoranti b’rabta mat-traġedja li seħħet fil-Gżira fejn tilfet ħajjitha Torka ta’ 30 sena wara li ttajret minn karozza misjuqa minn raġel waqt li allegatament kien taħt l-influwenza ta’ droga.
Filwaqt li l-MHRA waslet il-kondoljanzi tagħha lil qraba u ħbieb tal-vittma kif ukoll uriet solidarjetà mar-ristorant u stabbilimenti oħra li sofrew danni sostanzjali konsegwenza tal-inċident..l-MHRA waslet ukoll messaġġ ta’ solidarjeta lill-Pulizija u dawk kollha li kienu xhieda ta’ imġieba insensata tal-aggressur waqt li kien taħt l-influwenza tad-drogi.
L-MHRA sostniet li tinsab verament inkwetata dwar żieda ta atti vjolenti u inċidenti relatati mat-teħid ta’ droga fis-soċjetà Maltija. L-MHRA iddeskriviet id-droga bħala saħta għal soċjetà sana u ekonomija b’saħħitha u insistiet li dan is-suġġett għandu jiġi diskuss b’mod serju urġentament.
Ġie spjegat li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu xi ħaġa sabiex tiġi evitata epidemija ta’ drogi.
L-Assoċċjazzjoni saħqet li hawn biżżejjed indikazzjonijiet li dan is-suġġett jimmerita dibattitu nazzjonali sabiex tiżdied il-kuxjenza iżda mhux biss….hekk kif għandhom jiżdiedu wkoll l-azzjonijiet sabiex jitnaqqas l-abbużż ta’ sustanzi illeċiti fil-Gżejjer Maltin.
Għaldaqstant l-MHRA sejħet laqgħa tal-kunsill tal-MCESD sabiex dan is-suġġett jiġi diskuss b’mod urġenti bil-għan li jippreżentaw opinjoni uffiċjali lill-Gvern Malti.
//= $special ?>