Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ għaddej; jivvota favur Kummissarju għall-Istandards bla żewġ terzi

Il-gvern baqa’ għaddej u vvota favur li l-Kummissarju għall-Istandards ikun maħtur mingħajr l-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-parlament.

Dan il-vot ittieħed fis-seduta tal-parlament tal-lejla li fiha 39 deputat tal-gvern ivvotaw favur u 33 deputat tal-Oppożizzjoni ivvutaw kontra. Dawn l-emendi issa se jmorru quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi.

Permezz ta’ dan il-vot issa l-gvern se jkun daħħal dan il-mekkaniżmu fil-kariga tal-Kummissarju għall-Istandards li qabel kienet tesiġi li l-Kummissarju jrid jinħatar biżżewġ terzi. Dan il-mekkaniżmu issa jispeċifika li jekk ma jintlaħaqx il-qbil wara żewġ voti l-Kummissarju għall-Istandards jkun maħtur b’maġġoranza sempliċi. Il-Prim Ministru baqa’ jinsisti fuq l-uniku isem li ressaq għal din il-kariga dak tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.