Lokali Parlament

Il-Kummissarju u l-Kumitat għall-Istandards għandhom jissaħħu mhux jiddgħajfu

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-Kummissarju u l-Kumitat għall-Istandards għandhom jissaħħu mhux jiddgħajfu.

Fil-parlament Mario de Marco qal li qatt ma kellu jkun hawn sitwazzjoni li fiha l-parlament ma jasalx għall-ftehim u sostna li l-maturità politika kellha twassal għal dan il-ftehim dwar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Hu tkellem dwar l-integrità pubblika u sostna li din hi l-aktar valur importanti għall-politiċi u għad-demokrazija.

Id-deputat Nazzjonalista qal li d-deputati jridu jagħtu l-eżempju u jkunu xempju ta’ integrità fil-ħajja pubblika u dik privata taghom. Hu semma’ l-qtil ta’ Daphne Caruana Caruana u qal li f’dak il-kuntest li l-pajjiż kellu l-akbar livell ta’ korruzzjoni li qatt kien hawn bħalu. Kien f’dan il-kuntest li l-parlamet qabel mal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Dan l-Att kien tentattiv biex tissalva l-klassi politika fil-politika b’sens ta’ maturità politika. Iż-żewġ naħat kienu waslu wkoll għall-għażla ta’ George Hyzler. Wara dan l-isfidi ma naqsux u kien evidenti li l-Att jista’ jissaħħaħ u jittejjeb biex jissaħħaħ l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u qal li hu inutli li dan il-Kumitat m’għandux is-saħħa li jimplimenta r-rapporti tal-Kummissarju għall-Istandards.

Hu qal li kien jistenna li l-Kummissarju għall-Istandards u l-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jissaħħu bi proposti skont dak li pproponiet l-OECD iżda l-gvern qed idgħajjef lil dan l-Uffiċju u għandha biss l-iskop li l-gvern ikollu s-saħħa li jagħżel lill-Kummissarju.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru daħħal f’rasu biss isem wieħed għall-kariga; il-poplu jixraqlu aħjar.