Lokali

IL-QTIL FIL-GŻIRA: Is-sewwieq instab li kien taħt l-influwenza tad-droga

Kollox jindika li s-sewwieq barrani li saq għal fuq mara ta’ 30 sena fis-1am fil-Gżira, kien taħt l-influwenza tad-droga – possibbilment kokaina.

Is-sewwieq, li għandu 33 sena u li joqgħod Ħal Lija, qed jinżamm fid-Depot fejn f’dawn is-sigħat mistenni jerġa’ jiġi interrogat.

Net News wasallu wkoll filmat minn camera tas-sigurtà (ritratt fuq) illi turi l-mument eżatt li fih dan il-barrani saq għal fuq il-mara. U wara li ħareġ mill-karozza, reġa’ mar fuqha iwaddbilha l-ġebel.

Il-mara – li hi Torka – mietet fl-Isptar ftit wara li ttieħdet bl-ambulanza.

Is-sewwieq baqa’ aggressiv ankè ma’ persuni li inġabru fit-triq f’dak il-ħin. Kien ukoll aggressiv mal-Pulizija fil-mument tal-arrest, tant li l-uffiċjali kellhom jużaw taser gun.

Ritratt: Martin Agius