Lokali

Ir-raba’ edizzjoni tal-festival Kantamagħna fit-Teatru Astra

Nhar is-Sibt se ssir ir-raba’ edizzjoni tal-Festival Kantamagħna fit-Teatru Astra f’Għawdex minn DCapitals Big Band. Il-festival huwa miftuħ għal kantanti bejn l-10 u l-35 sena, b’24 kantant u kantanta ġew magħżula wara proċess ta’ awdizzjonijiet li seħħew f’Novembru li għadda.

Dawn il-finalisti ġew maqsuma fi tliet kategoriji skont l-età tagħhom:

  • Kategorija A għal kantanti bejn 10 u 13-il sena;
  • Kategorija B għal kantanti bejn 14 u 17-il sena; u
  • Kategorija Ċ għal kantanti bejn 18 u 35 sena.

Il-kantanti kollha ser ikunu akkumpanjati b’live big band taħt id-direzzjoni tas-Surmast George Apap. Ir-rebbieħa ta’ kull kategorija ser jingħataw trofej filwaqt li r-rebbieħ overall tal-festival ser jingħata kuntratt ta’ sena ma’ DCapitals Big Band fejn ikollu l-opportunità li jkompli jikseb aktar esperjenza fid-diversi impenji u kunċerti li jkollha l-band kemm f’Malta u anke barra minn xtutna.

Il-festival jibda fis-7.30pm u d-dħul għalih huwa permezz ta’ donazzjoni.