Basketball Sport

Kampjonat BOV – Irġiel: Mellieħa Libertas waħedhom fl-ewwel post.

Colin Schembri

Depiro…………….66

Bupa Luxol……..63

(24-17)(17-13)(13-19)(12-14)

Depiro pattew għaż-żewġ telfiet li ħadu kontra Luxol fiż-żewġ partiti ta’ qabel, u kisbu rebħa li ħalliethom b’tama żgħira li jaslu fil-play-offs. Iż-żewġ timijiet kellhom xi players regolari neqsin fejn Depiro kienu mingħajr Nicholas Grech u Miguel Mallia fil-waqt li Luxol kellhom nieqes lil Marco Matijevic. Għal ħin twil, il-partita kienet kumbattuta u baqgħet inċerta sat-tmiem fejn ir-rebħa setgħat marret fuq kull naħa. Depiro bdew tajjeb fejn ħadu vantaġġ ta’ seba’ punti 9-2, bil-punti minn Kieron Caruana, Cameron Cornelius u Kameron Rooks. Luxol wieġbu fost l-oħrajn bi trippla minn Jean Paul Schembri flimkien mal-Amerikani Trevian Bell u Tayler Mattos. Cornelius wieġeb b’ħames punti konsekuttivi biex fetaħ vantaġġ doppju għal Depiro 18-9 però lejn it-tmiem Luxol reġgħu resqu viċin wara trippli minn Nikola Vasovic u Schembri qabel ma Cornelius għalaq is-sessjoni bi trippla għal skor ta’ 24-17. Fit-tieni perjodu, Luxol naqqsu d-distakk għal 3 punti sat-tieni minuta wara break qasir ta’ 6-0 iżda Cornelius kompla għaddej bill-punti tiegħu għal Depiro li sa’ nofs is-sessjoni marru 34-26 minn fuq. Kien hemm risposta oħra minn Vasovic għal Luxol qabel ma Depiro fetħu vantaġġ massimu ta’ 13-il punt. Bell għamel l-aħħar basket ta’ Luxol biex fl-intervall Depiro kienu 41-30 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Luxol kellhom sensiela ta’ trippli minn Vasovic, Bell, Schembri u Stefan Cappello biex naqqsu d-distakk għal sitt punti 42-48. Depiro reġgħu kabbru l-vantaġġ permezz ta’ Caruana però Bell wieġeb b’ħames punti li wasslu lil Luxol 3 punti ‘l bogħod. Depiro għalqu bil-punti ta’ Miguel Brincat għal skor ta’ 54-49. Fl-aħħar taqsima, Luxol kellhom run sabiħa ta’ 10-2 biex irnexxielhom imorru basket minn fuq b’minuta u nofs għal tmiem il-partita. Kollox kien jindika li l-partita se jkollha tmiem inċert u hekk ġara hekk kif Caruana u Rooks reġgħu poġġew lil Depiro minn fuq fl-aħħar 18 -il sekonda. Bell ma rnexxielux jippareġja hekk kif falla free-throw minn tnejn u Andrew Aquilina għalaq il-partita favur Depiro fuq skor ta’ 66-63.

Depiro: S. Galea, J. Micallef, A. Aquilina 7, K. Rooks 18, M. Brincat 5, C. Cornelius 27, M. Debattista, K. Caruana 9.

Bupa Luxol: N. Vasovic 12, M. Sciberras, T. Bell 24, JP Schembri 9, A. Trapani, L. Trapani, T. Mattos 9, S. Cappello 9.

Referees: Bernard Vassallo, Julie Londono, Florentina Ciurariu

Mellieħa Libertas………….96

Starlites FIJO…………………80

(25-10)(15-25)(26-28)(30-17)

Mellieħa Libertas kisbu rebħa mportanti kontra Starlites FIJO f’konfront ieħor dirett wara dak li ntlagħab qabel il-festi. Issa Mellieħa jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika b’rebħa iżjed mir-rivali tagħhom. Mellieħa kellhom wirja mill-aktar posittiva b’Robert Bonnici, ex-player ta’ Starlites, joħloq problemi kbar fid-difiża avversarja flimkien mas-solitu Connor Zinaich. Għal Starlites kellhu partita oħra kwieta Jordan Notch u zgur li Starlites jistennew aktar minn dan il-player Amerikan. Mellieħa fetħu tajjeb speċjalment bit-trippli ta’ Vukassin Jandric u Zinaich u sa’ nofs is-sessjoni kienu 18-4 minn fuq. Starlites ppruvaw jirkupraw minn dan il-bidu diffiċli b’ħames punti ta’ Matthew Scerri u Darius George però Mellieħa għamlu run oħra qasira ta’ 7-0 bi trippla ta’ Isaac Bonett biex temmew l-ewwel sessjoni 25-10 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Starlites fetħu bi trippla ta’ Alec Felice Pace għalkemm Mellieħa reġgħu wieġbu permezz ta’ David Bugeja, Zinaich u Samuel Zammit. Huma komplew b’run ta’ 13-5 bil-punti ta’ George, Scerri u Miguel Fabri biex naqqsu d-distakk għal 5 punti 33-38. Fl-aħħar minuta kien hemm basket fuq kull naħa biex Mellieħa daħlu jistrieħu 40-35 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Mellieħa fetħu bi break ta’ 8-0 b’żewġ trippli konsekuttivi ta’ Bonnici flimkien ma’ Zinaich. Starlites waqqfuhom b’basket ta’ Notch u komplew b’run ta’ 12-0 fosthom trippla ta’ Fabri u l-punti ta’ Ryan Carabott u George biex waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod mill-avversarji 52-56. Punti minn Bonnici u David Bugeja reġgħu kabbru l-vantaġġ ta’ Mellieħa però Starlites naqqsu d-distakk għal basket wara trippla ta’ Matthew Attard. Sa’ tmiem Mellieħa kellhom il-freethrows biex temmew it-taqsima 66-63 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, Starlites fetħu bi trippla oħra minn Attard u għamlu l-iskor indaqs. Mellieħa rkupraw u għamlu run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Bonett, Zinaich u Bonnici. Starlites reġgħu ppruvaw jirkupraw iżda run deċisiva ta’ 7-0 minn Mellieħa serrħitilhom rashom mir-rebħa hekk kif huma għalqu l-partita bil-punti ta’ Zinaich u Bugeja biex ħarġu rebbieħa 96-80.

Mellieħa Libertas: S. Zammit 2, M. Falzon, D. Bugeja 10, R. Bonnici 20, V. Jandric 10, I. Bonett 7, N. Bukva 8, N. Jovanovic 3, C. Zinaich 36, M. Formosa, O. Said.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 7, M. Attard 6, M. Barbara, M. Fabri 6, L. Riolo, M. Scerri 6, R. Carabott 5, L. Farrugia, N. Sultana, D. George 32, J. Notch 18.

Referees: Daniella Torok, Gordon Barbara, Fiorentina Ciurariu

Gżira Athleta………….85

Hibernians……………..81       

(32-17)(18-16)(15-26)(20-22)

Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu fl-aħħar partita tas-sena 2022 u dak in-nhar Hibs kienu ħarġu rebbieħa però Athleta pattew għal din it-telfa fl-aħħar partita tal-ġurnata u għelbuhom għat-tieni darba fil-kampjonat. Athleta rkupraw lill-Amerikan Roland Griffin li tilef l-aħħar partita tagħhom u kellhom għall-ewwel darba lil player Serb Ivan Medved. Hibs kienu mingħajr Matthew Attard kif ukoll mingħajr il-coach Silvio Cassar b’posthu ħadu Tony Cassar għal din il-partita. Fil-ftuħ tal-partita ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin fejn għall-Athleta kien hemm il-punti minn Matthew Gouder fosthom trippla flimkien ma’ Griffin u Henry Van Herk fil-waqt li l-punti kollha tal-Pawlisti ġew minn Ivan Demcesen. Athleta kellhom mument tajjeb meta għamlu run ta’ 15-4 bi trippli ta’ Nathan Xuereb u Gouder flimkien ma’ Ven Herk u l-ex Peter Shoults. It-taqsima għalqet b’basket fuq kull naħa għal skor ta’ 32-17 favur Athleta. Fit-tieni sessjoni, Hibs bdew b’run qasira ta’ 8-2 biex sat-tielet minuta naqqsu d-distakk għal disa’ punti. Wara baskets minn Xuereb u Griffen għall-Athleta, Demcesen u Justin Bogle irrispondew għal Hibs. Athleta għalqu s-sessjoni b’seba’ punti mingħajr risposta għal skor ta’ 50-33.

Fit-tielet perjodu, Hibs tħabtu biex jidħlu fil-partita u bdew bi break ta’ 8-2 bi trippla ta’ Luke Farrugia. Wara basket ta’ Luca Stefanovic, Hibs reġgħu għamlu run ta’ 10-2 biex waslu sa’ 5 punti ‘l bogħod 51-56. Van Herk bi trippla kabbar il-vantaġġ ta’ Athleta però kienu Hibs li għamlu l-aħħar 5 punti tas-sessjoni għal skor ta’ 65-59. L-aħħar taqsima fetħet bil-punti fuq iż-żewġ naħat biex il-punteġġ baqa’ favur it-team ta’ Joe Galea 73-67 fil-ħames minuta. L-aħħar sforz ta’ Hibs issarraf fi break ta’ 11-2 bi trippla oħra ta’ Farrugia biex waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod iżda l-ħin kien kontra tagħhom u Athleta għalqu l-partita bill-free-throws biex ħarġu rebbieħa 85-81.

Gżira Athleta: H. Van Herk 20, F. Mifsud Bonnici 2, P. Shoults 4, L. Stefanovic 5, N. Xuereb 14, R. Griffin 28, I. Xuereb, M. Gouder 10, R. Abela, I. Medved 2.

Hibernians: N. Cassar, P. Attard 2, L. Attard, L. Farrugia 18, L. Borg, A. Axiaq 12, J. Bogle 11, M. Bezzina, I. Demcesen 38, G. Cassar.

Referees: Bernard Vassallo, Iviva Simic, Zvezdan Dobrosaviljevic