Internazzjonali

L-Iran: Jiżdiedu l-esekuzzjonijiet fost ir-renju tat-terrur tar-reġim

Żiedu l-proċessi bil-qorti li qegħdin jissarrfu f’riżultat wieħed biss – f’dan il-każ l-esekuzzjonijiet tal-imputati li qed jitressqu quddiem it-tribunali b’konnessjoni mal-irvellijiet li għaddejjin bħalissa kontra l-Gvern tal-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran.

Sar magħruf li l-imputati qed jingħataw il-forka ftit ġimgħat biss wara l-kundanna mill-qrati…Qrati li fi kliem il-gruppi favur id-drittijiet umani qegħdin imexxu proċessi ‘finta u li mhumiex denji tal-isem’. Dan meta r-rapporti żvelaw li erba’ irġiel oħra ngħataw il-mewt dwar allegat sehem fil-protesti li żbruffaw xhur ilu kontra l-Gvern Iranjan, bil-qrati anki jikkundannaw għall-mewt lil 20 oħra.

Wieħed mill-aħħar imputati li nqatlu ‘skont il-liġi’ kien Mohammad Mehdi Karami, champion tal-karate ta’ 22 sena, li ngħata l-forka fis-7 ta’ Jannar – 65 jum biss wara li spiċċa arrestat. Is-sorsi qalu li Karami ngħata biss 15-il minuta biex jiddefendi ruħu fil-qorti u l-każ tiegħu jirrifletti l-politika brutali tar-reġim Iranjan li jrid jintimida lid-dimostranti li qegħdin jinsistu għal ħajja libera u t-tmiem tal-Gvern fundamentalista f’Tehran.