Hekk kif aktar minn xahar ilu, l-MEP Soċjalista Eva Kaili tneħħiet mill-irwol tagħha ta’ Viċi-President tal-Parlament Ewropew, il-post vakanti imtella’. Dan hekk kif Marc Angel inħatar bħala Viċi-President tal-Parlament Ewropew.
L-iskandlu tal-eks Viċi-President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili seħħ fid-9 ta’ Diċembru, fejn fid-dar ta’ missierha nstabet bagalja mimilija flus kontanti. Sussegwentament, fit-12 ta’ Dicembru, Kaili tneħħiet mill-irwol tagħha ta’ Viċi-President u preżentament qed taffaċja akkuzi marbuta ma’ skambju ta’ flus kontanti u rigali lill-uffiċjali fil-Parlament għal favuri politiċi.
L-Erbgħa filgħodu, waqt li ttieħed vot sigriet, Marc Angel irċieva maġġoranza assoluta tal-voti. Filfatt, fl-ewwel proċess ta’ għadd ta’ voti, l-MEP Soċjalista ġab 263 vot, filwaqt li warajh kklasifikat Annalisa Tardino b’179 vot, b’Gwendoline Delbos-Corfield kisbet 113 vot.
Fit-tieni proċess ta’ għadd ta’ voti, Marc Angel reġa spiċċa fil-quċċata b’307 vot. Warajh Annalisa Tardino b’185 vot, b’Gwendoline Delbos-Corfield tikseb 98 vot.
Intant, din il-kamra tal-aħbarijiet baqgħet tipprova tikseb risposta mingħand il-President Soċjalista Garcia Perez u l-Viċi President il-ġdid li jieħu post Eva Kaili, Marc Angel, dwar x’regoli ġodda se jkunu qed jiġu infurzati biex jipprevjenu MEPs li nstabu ħatja ta’ reati kriminali milli jkunu parti mill-grupp tas-soċjalisti; mistoqsijiet li baqgħu mhux imwiegba.
Madanakollu, huma bgħatu stqarrija li ħarġet il-Ħamis u li ma tindirizzax il-mistoqsijiet li għamilna. Fost is-soċjalisti b’passat imcajpar hemm l-MEP Laburista Malti Cyrus Engerer li nstab ħati li xerred filmati pornografiċi b’vendetta.
//= $special ?>