Lokali

Sena fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew

18 ta’ Jannar 2022 – ġurnata mnaqqxa b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ pajjiżna. 19-il sena mindu Malta vvutat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, l-ewwel Maltija rnexxiela tasal sal-quċċata ta’ waħda mill-iktar istituzzjonijiet importanti fl-Unjoni Ewropea.

Dakinhar l-MEP Nazzjonalista, li kienet għadha kif għalqet 43 sena, wegħdet li l-Parlament Ewropew ikun qrib kull ċittadin.

“B’umiltà nħossni onorata bir-responsabbiltà li qed tafdawni biha,” kienet qalet Metsola. “Inwiegħed li se naħdem bl-enerġija kollha tiegħi f’isem dan il-Parlament u għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej”

Fl-aħħar 365 ġurnata, tista’ tgħid id-dinja inbidlet, u Roberta Metsola sabet minn kollox jistenniha. Bit-tama li toħroġ mid-diffikuktajiet tal-pandemija, tant li bħal daż-żmien sena anke il-Parlament kien għadu jsegwi diversi restrizzjonijiet, Roberta Metsola riedet tpoġġi lill-Parlament Ewropew fuq quddiem nett fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Xahar mindu ġiet eletta, faqqet gwerra.

Kif wegħdet Roberta Metsola, l-Parlament Ewropew kien minn ta’ quddiem biex jieħu azzjoni.

Ġimgħa mindu bdiet il-gwerra, fuq stedina tal-President Metsola, l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky għamel l-ewwel indirizz tiegħu f’Parlament mindu bdiet il-gwerra. Dan wassal ukoll biex appell tal-President Metsola lill-Parlamenti minn madwar id-dinja intlaqa minn ‘il fuq minn 100 kamra tad-deputati, li lkoll stiednu lil Zelensky jindirizzahom.

Id-determinazzjoni u t-twemmin ta’ Roberta Metsola ħareġ l-aktar ċar meta kienet l-ewwel mexxej ta’ istituzzjoni Ewropea li ħadet is-sogru u żaret Kyiv waqt il-qilla tal-bumbardamenti. Hija indirizzat il-Parlament Ukren u weghdet li l-Parlament Ewropew se jkun spalla ma spalla mal-Poplu Ukren.

Ir-ritratt mill-laqgħa li kellha ma’ Zelensky jibqa’ fost l-aktar ritratti sinifikanti tal-2022 madwar id-dinja.

Iżda bħala President, Roberta Metsola baqgħet viċin in-nies, tkellmet maż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa u spjegat għalfejn hu imporanti li wieħed jibqa’ jemmen fl-Unjoni Ewropea. Ta’ spiss użat l-eżempju tas-sħubija ta’ Malta fil-proġett Ewropew u kif wieħed m’għandux jaqta’ qalbu milli jiġġieled għal dak li jemmen fih, anke jekk ikun hemm min jagħmel ħiltu biex ibiegħed lin-nies mill-UE.

F’sena, Roberta Metsola ġiet intervistata minn stazzjonijiet minn madwar id-dinja – fosthom CNN, New York Times, BBC, Sky News, Le Monde, El Pais u Rai. Hi iltaqgħet ma diversi mexxejja u nies minn madwar id-dinja.

Fuq kollox, Roberta Metsola baqgħet mal-Maltin, b’diversi żjarat tal-Presidenza tagħha isiru f’pajjiżna biex tibqa’ viċin il-poplu Malti u Għawdxi.

L-ewwel żjara bħala President saret waqt il-festa ta’ San Pawl fil-Belt fejn intlaqgħet b’ċapċip u messaġġi ta’ appoġġ minn dawk preżenti. Avveniment ieħor kien l-indirizz tagħha waqt il-velja li saret fl-okkażjoni tal-5 anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Fadal ħafna x’jinkiseb biex isaltnu tassew is-sewwa, il-verità u l-ġustizzja,” kienet qalet Metsola. “Iżda r-rieda tagħna hija soda. Jieħu kemm jieħu żmien.”

Matul din is-sena, saru bosta laqgħat ma’ korpi kostitwiti, żgħażagħ, ħaddiema, għaqdiet kulturali u maċ-ċittadini infushom. Fil-messaġġi tagħha hi dejjem saħħqet li l-Unjoni Ewropea trid tkun viċin in-nies, taħdem għaċ-ċittadini Ewropej biex dan il-proġett ikompli jkun ta’ bidla għall-aħjar fil-ħajja tan-nies, inkluż b’aktar opportunitajiet edukazzjoni, aktar investiment u impjiegi differenti għal kulħadd b’pagi tajba.