Il-vittma li tilfet ħajjitha traġikament fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu fil-Gżira ġiet identifikata bħala Pelin Kaya, Torka ta’ 30 sena li nqatlet wara li ttajret minn vettura…bis-sewwieq allegatament iħebb għaliha ftit wara.
Kaya nqatlet waqt li kienet qed timxi fi Triq Testaferrata fis-siegħa ta’ filgħodu … proprju fil-jum ta’ għeluq sninha. Hija tilfet ħajjitha aktar tard fl-Isptar Mater Dei wara li ttieħdet b’urġenza l-isptar minn tim mediku.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li minnufih il-qraba tagħha, li jgħixu barra minn Malta, ġew infurmati b’dak kollu li kien seħħ u mistennija jaslu f’pajjiżna aktar tard matul il-jum.
Il-vittma hija minn Istanbul u kienet taħdem bħala interior designer ma’ kumpanija lokali tal-għamara.
Intant, sorsi ta’ min jorbot fuqhom qrib l-investigazzjoni qed jisħqu li l-aggressur u l-vittma ma kienux jafu lil xulxin b’xhieda fil-post jisħqu li waddab xi ġebel lejn il-vittma waqt li kienet mixħuta mal-art, ħebb għal xi nies li għaddew minn quddiem ix-xena tal-inċident kif ukoll li rreżista l-arrest tal-pulizija…tant li kellu jintuża taser għal fuqu.
Huwa qiegħed jinżamm l-Isptar Mater Dei taħt osservazzjoni.