Lokali

Titħabbar il-mewt tal-attur Victor Grech

Tħabbret il-mewt tal-attur Victor Grech fl-età ta’ 96 sena.

Grech kien magħruf sew għal diversi rwoli li ħadem kemm fuq il-palk kif ukoll fuq it-televiżjoni. Huwa ħa sehem fl-ewwel teleserje lokali lura fl-1976 f’Baħar Wieħed fejn interpreta l-parti ta’ Ġiġi l-Maġistrat.

Iżda ċertament l-aktar parti li jibqa’ mfakkar għaliha kienet il-parti ta’ Sander, fis-serje televiżiva Ipokriti.

Victor Grech twieled Tas-Sliema fl-1926 fejn beda l-avventura tiegħu fuq il-palk mal-kumpanija Star of the Sea taħt id-direzzjoni ta’ Dun Ġorġ Zammit lura fis-snin 40.

Huwa ħa sehem ukoll f’diversi radju drammi li kienu jixxandru fuq ir-Rediffusion – mxandra minn Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.

Victor Grech ħa sehem ukoll f’numru ta’ films internazzjonali li nħadmu f’Malta fosthom, The Maltese Falcon, The Malta Story kif ukoll Vendetta for the Saint.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija huwa kien jaħdem mar-Royal Air Force fejn kompla jaħdem f’dan is-settur anke sa wara l-gwerra.

Victor Grech iżżewweġ lill-attriċi Mary Grech fejn kellhom żewġt itfal.

Kondoljanzi lill-qraba u l-ħbieb ta’ Victor Grech.