Inċident ikkawżat mill-alkoħol eċċessiv li rriżulta f’raġel li weġġa’ ħafif u mutur li saritlu ħsara kbira wassal biex raġel jitressaq il-Qorti u jiffaċċja akkużi kriminali. Dan ħareġ fil-Qorti tal-Maġistrati hekk kif l-Ispettur Jonathan Ransley ressaq il-Qorti lill-ħaddiem Peruvjan ta’ 24 sena, residenti l-Gżira quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.
Huwa ġie mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq raġel ieħor bl-użu ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta, li volontarjament ikkawża ħsarat ta’ aktar minn €2,500 fuq proprjetà privata, f’dan il-każ mutur Ducati u li kiser il-paċi pubblika. L-inċident seħħ fil-Gżira għall-ħabta tas-2am tal-Ħadd.
Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat, li qal li kien jaħdem f’laundrette, kien qal lill-Pulizija li dak il-ħin kien f’sakra ma tarax art. Huwa kien xorob ħafna vodka bil-lime u kien involut fi ġlieda. F’ħin minnhom kien ħareġ gradilja tal-metall mit-triq u beda jolqot biha lill-mutur tal-għamla Ducati li kien ipparkjat, li kkaġuna madwar €3,000 fi ħsara fil-mutur, li kien ta’ terza persuna li ma kellha ebda konnessjoni mal-inċident.
L-Ispettur Ransley informa lill-Maġistrat li kontrolli mal-uffiċċju tal-Interpol f’Lima kienu kkonfermaw li l-akkużat kellu rekord kriminali nadif. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-akkużat qal lill-Qorti li kien ixxukkjat meta sar jaf b’dak li għamel. Qal li kien tal-mistħija b’dak li ġara, u żied li dan kien barra mill-karattru tiegħu u li għamel dak li għamel għax kien fis-sakra.
Il-Qorti spjegat lill-Peruvjan li l-intossikazzjoni volontarja ma kinitx skuża fil-liġi. L-Avukat difensur Daniel Attard talab il-libertà proviżorja, li ngħatat mill-Qorti, kontra garanzija personali ta’ €5,000 u ordnatlu jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema.
Il-Qorti qalet lill-akkużat biex ikompli jaħdem, sabiex iħallas għall-ħsara li kien ikkawża lill-mutur sas-seduta li jmiss, li hija skedata għal Mejju. Il-Qorti imponiet projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat, li ddeskrivietu bħala “vittma tat-traffikar tal-bnedmin” u għalhekk huwa mportanti li isma ma jixxandarx.
//= $special ?>