Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ sular f’sit ta’ kostruzzjoni

Raġel ta’ 57 sena residenti Wied il-Għajn qed jissielet għal ħajtu wara li waqa’ madwar sular f’sit ta’ kostruzzjoni waqt li kien qiegħed jaħdem.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:30am ta’ filgħodu hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li kien iddaħħal raġel l-isptar għaliex weġġa’ f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq San Ġużepp, Ħaż-Żabbar.

Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li aktar kmieni, ir-raġel kien sofra xi ġrieħi wara li waqa’ madwar sular waqt li kien qiegħed jaħdem. Huwa mar fiċ-Ċentru tas-Saħħa fejn minn hemm ittieħed permezz t’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei u kien iċċertifikat li sofra minn ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.