Il-programm ta’ riformi fil-pensjonijiet li qed jinsisti dwarha l-President Franċiż Emmanuel Macron qed jiffaċċja l-akbar sfida għal xhur u li kapaċi tiddeċiedi l-passi tal-Gvern matul il-ġimgħat li jmiss.
Dan meta l-unions fi Franza qed jorganizzaw jum ta’ azzjonijet industrijali kbar bi protesta kontra l-pjani ta’ Macron biex itawwal l-età tal-irtirar mix-xogħol għall-Franċiżi.
L-abbozz ġdid li għandu jgħaddi mill-Parlament qed jaħseb biex iżid l-età uffiċjali għall-irtirar minn 62 għal 64 sena. Taħt il-proposti elenkati mill-Prim Ministru, Elisabeth Borne, il-Franċiżi, mill-2027, iridu jaħdmu għal 43 sena sħaħ – u mhux għal 42 — biex jikkwalifikaw għal pensjoni sħiħa.
Intant, l-azzjoni ta’ protesta qed tħalli l-effett f’diversi oqsma u fost impatt sostanzjali għas-servizzi tal-ferroviji domestiċi; inklużi l-vjaġġi bejn belt u oħra.
Intant, kellhom jagħlqu ħafna mill-iskejjel flimkien ma’ servizzi pubbliċi oħrajn, waqt li kelliema fl-ajruport ta’ Orly (f’Pariġi) qalu li kellhom jitħassru almenu ‘titjira minn fost kull ħamsa skedati matul il-jum’.
L-effetti tal-azzjoni industrijali kienu anki evidenti fuq il-metro ta’ Pariġi.
Fis-sigħat li jmiss mistennija dimostrazzjonijiet kbar ta’ protesta minn eluf ta’ nies f’Pariġi u fi bliet prinċipali oħra ta’ Franza. Sadanittant, il-pulizija qed iħejju għal sigħat ta’ tensjoni minħabba l-potenzjal ta’ vjolenza minn elementi radikali tax-xellug li s-soltu jinfiltraw dawn it-tipi ta’ dimostrazzjonijiet.
//= $special ?>