Lokali

Il-ħajja qed togħla b’rata aktar mgħaġġla mill-kumplament tal-Ewropa – PN

Il-Gvern għandu r-responsabbiltà jara kif il-konsumaturi u n-nies fin-negozju jistgħu jkunu mgħejjunin verament biex ikampaw maż-żidiet fil-prezzijiet

Fi stqarrija tal-Kelliema għal Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg qal li skont l-aħħar stħarriġ maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatiska (NSO), f’Diċembru li għadda, ir-rata li biha qed togħla l-ħajja kompliet tiżdied b’7.3%. Dan għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, fejn ir-rata li biha qed togħla l-ħajja naqset.

Din iż-żieda fl-għoli tal-ħajja f’pajjiżna, primarjament fuq l-affarijiet bażiċi, tkompli żżid il-piż fuq il-poplu kollu, b’mod partikolari dawk vulnerabbli u bi dħul medju. U dan se jkompli jnaqqas il-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu kif l-uniċi persuni li mhux qed iħossu dawn iż-żiedet huma dawk tal-qalba, li bl-għajnuna tal-Ministri qed jitħanżru u jiffangaw bl-eluf ta’ ewro f’konsulenzi fażulli, direct orders u salarji li saħansitra jammontaw għal aktar minn dik li għandu l-Prim Ministru stess. Għal dawn biss bħalissa hu l-aqwa żmien!

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex, b’responsabbiltà, jara kif il-konsumaturi u n-nies fin-negozju jistgħu jkunu mgħejjunin verament biex ikampaw ma’ dawn iż-żidiet fil-prezzijiet.