Internazzjonali

Il-Konferenza f’Davos: Zelensky jitkellem dwar il-konsegwenzi tal-gwerra

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li ma jeżistux ‘affarijiet aċċidentali’ waqt il-gwerra, b’referenza għat-tiġrif tal-ħelikopter, jiem ilu, li fih mietu l-ogħla uffiċjali tal-Ministeru Ukren għall-Intern.

Zelensky li kien qed ikellem lill-mexxejja preżenti għall-Forum Ekonomiku Dinji, f’Davos ( fl-Iżvizzera), ma akkużax direttament lir-Russja dwar sehem fit-tiġrif. Madankollu, hu għamilha ċara wkoll li t-traġedja kienet ‘konsegwenza tal-gwerra li ilha għaddejja x-xhur fl-Ukrajna’.

Il-Ministru Ukren għall-Intern Denys Monastyrsky u diversi kollegi kienu tilfu ħajjithom mal-ewwel fit-tiġrif tal-ħelikopter fi Kiev u Zelensky uża d-diskors bil-video lill-Forum biex iħeġġeġ lill-Punent ħalli jibgħat aktar armamenti lil pajjiżu ħalli jirreżisti aħjar lir-Russja.

Hu qal li ‘ir-Russja qed tkompli toqtol iċ-ċivili anki waqt li d-dinja ħielsa qed tanalizza s-sitwazzjoni’; b’dan il-kumment qed ikun interpretat bħala talba lill-Ġermanja biex tibgħat it-tankijiet tal-gwerra tat-tip Leopard 2 lill-Ukrajna mingħajr aktar telf ta’ żmien.

Iżda r-rapporti qed jissuġġerixxu li l-Ġermanja għandha tibgħat biss il-battle tanks lill-Ukrajna jekk l-Istati Uniti tagħmel l-istess ħaġa. Dan meta l-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz jinsab taħt pressjoni kbira – minn lat domestiku u internazzjonali – biex jissupplixxi t-tankijiet ‘Leopard 2’ inkella japprova t-trasferiment ta’ dawn it-tankijiet lill-Ukrajna permezz ta’ tielet pajjiżi.

Il-Polonja u l-Finlandja t-tnejn wiegħdu li jibgħatu t-tankijiet Leopard lill-Ukreni iżda jeħtieġu l-permess tal-Ġermanja għal dan l-impenn. Intant, it-Tmexxija f’Berlin għadha qed tiddiskuti l-pożizzjoni uffiċjali tagħha mal-Istati Uniti.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li l-Ukrajna għandha tingħata aktar appoġġ u aktar armamenti avvanzati għad-difiża tagħha matul il-jiem li ġejjin.  Dan meta l-Istati membri tan-NATO se jiltaqgħu għada l-Ġimgħa, biex jiddiskutu x’tip ta’ tagħmir militari għandu jintbagħat lill-Ukreni.