Lokali

Il-media Laburista toħloq “kontroversja” fuq kejk, scarf u ktieb dwar Bruges

Fl-aħħar sigħat, il-media Laburista provat toħloq kontroversja ġdida biex tiddevja l-attenzjoni minn fuq il-problemi kbar li għandu Robert Abela rigward il-liġi tal-abort, is-sitwazzjoni fl-Emerġenza, il-mediċini out-of-stock, iż-żieda enormi fil-prezzijiet u l-emenda dwar il-Kummissarju tal-Istandards.

B’artiklu fuq is-sit ta’ One News, il-Partit Laburista issa spiċċa jivvinta “kontroversja” billi attakka lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Dan wara li Metsola stess – b’mod trasparenti – ippubblikat lista dettaljata tar-rigali kollha li inghatat. U għalhekk, saret l-ewwel mexxejja ta’ din l-istituzzjoni li ddikjarat l-affarijiet li tirċievi f’isem l-Parlament.

Il-media Laburista qed tiprova toħloq koas fuq dawn ir-rigali li jinkludu kejk, ċikkulatini, fwieħa, scarf u ktieb dwar il-belt Belġjana ta’ Bruges.

Kuntrarju għall-impressjoni li provat tagħti l-media ta’ Robert Abela, ir-rigali kollha li riċeviet il-President Metsola għandhom valur taħt il-€150.

Fil-lista hemm ukoll tazzi tat-tè, flixkun inbid, vażun, u statwetta taċ-ċeramika – oġġetti li dwarhom il-Labour qed jipprova jibni skandlu li ma jeżistix.