Għaxar snin ilu, il-Gvern Laburista wiegħed li se jkun qed jibni villaġġ għad-dilettanti tal-Karnival… iżda sa issa… dan il-villaġġ għadu biss ħolma, u tħalla fuq l-ixkaffa. Bil-Ministru responsabbli qas biss għandu idea ta’ meta se jibda u wisq aktar meta se jitlesta.
Bosta dilettanti tal-Karnival ilhom għal dawn l-aħħar snin juru t-tħassib tagħhom dwar post alternattiv fejn ikollhom l-imħażen tagħhom.
U l-Ħamis, il-Ministru Owen Bonnici stess spiċċa jammetti li l-ħidma fuq dan il-proġett għadha trid tibda. Filfatt fil-Budget li għadda l-Gvern lanqas biss ħass il-bżonn li jsemmi l-proġett tal-villaġġ tal-karnival fost il-proposti tiegħu. Bil-Ministru responsabbli jgħid li fid-dokument tal-budget wieħed ma jistax isemmi kollox għax inkella ma jkunx hemm ħin biżżejjed fid- iskors tal-Budget innifsu.
Net News staqsa lill-Ministru fiex waslet l-applikazzjoni għall-fondi għal dan il-proġett… bil-Ministru jammetti li l-applikazzjoni għall-fondi għadha ma saritx u li m’għandux idea ta’ meta dan il-villaġġ se jitlesta.
U wara għaxar snin stennija… il-Ministru qed jipprova jikkonvinċi lid-dilettanti tal-Karnival li dan il-proġett huwa ferm għal qalbu.
It-tħassib tad-dilettanti tal-Karnival qed ikompli jiżdied hekk kif l-imħażen li qed jaħdmu filhom bħalissa jinsab fi stat diżastruż u ta’ abbandun (kif jixhed dan ir-ritratt)… b’bosta jisħqu li qas biss għandhom fejn jagħmlu l-ħtiġijiet personali tagħhom.
//= $special ?>