Lokali

Il-Ministru Silvio Schembri ma jgħidx x’se jkunu s-suppost bidliet fil-liġi tal-abort

Għal darba oħra, il-Partit Laburista qed jibqa’ jaħbi l-verita’ dwar l-emenda tal-abort. Dan hekk kif issa anke l-Ministru Silvio Schembri insista li din mhijiex liġi tal-abort – meta l-professjonisti kollha qed jgħidu eżattament l-oppost.

Meta l-Ħamis filgħodu kien mistoqsi minn Net News dwar din il-liġi kontroversjali Silvio Schembri spiċċa jattakka b’mod partiġġjan. Għalkemm xorta ma qalx x’se jkunu s-suppost “bidliet” illi l-Gvern qal li se jagħmel għal din il-liġi.

Il-professjonisti mediċi kif ukoll diversi għaqdiet fl-aħħar ġimgħat sostnew li din hija liġi tal-abort, bit-tobba jispjegaw kif l-emenda se toħolqilhom aktar problemi f’xogħolhom.

Minn naħa tiegħu l-Ministru Silvio Schembri qed ikompli jgħid il-kuntrarju u jgiddeb dak li qed jinsistu dwaru t-tobba.

S’issa għadha ma tħabbret l-ebda data dwar meta se jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari li se jkompli jiddiskuti din l-emenda fil-Kodiċi Kriminali.