Lokali

“Imnejn ġejja din l-ispinta biex titressaq din l-emenda dwar l-abort?” – Evarist Bartolo

Permezz ta’ post fuq Facebook l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo mill-ġdid saqsa għadd ta’ domandi dwar l-emenda fil-liġi li permezz tagħha se jkun qed jiddaħħal l-abort f’pajjiżna. B’Evarist Bartolo jistaqsi minn fejn ġejja din l-ispinta biex titressaq din l-emenda…. u jekk hux tajjeb li se tkun qed titressaq emenda li se toħloq aktar problemi.

Fil-kummenti li għadda, Evarist Bartolo wera r-riservi tiegħu għal dak li qed jagħmel il-Prim Ministru Robert Abela – fejn tenna li din l-għaġġla kollha biex tidħol din l-emenda se tkun qed toħloq aktar diffikultajiet.

Fuq Facebook, l-eks Ministru Laburista qal li tkellem ma’ tabib li dejjem wettaq xogħlu kif suppost, u li jekk kien hemm l-omm f’riskju dejjem għamlu kull mezz possibbli biex isalvawha. Huwa qal li jinsab inkwetat li din l-emenda fil-liġi li preżenta l-Gvern se tkun qed tneħħi dan kollu.

Fl-aħħar ġimgħat minn mindu faqqgħet din il-kontroverzja, kien hemm numru ta’ esponenti Laburisti li tkellmu kontra din l-emenda u l-mod kif il-Gvern irid idaħħal l-abort baxx baxx, fosthom l-eks Ministru Laburista u l-President Emeritus Marie Louise Preca, l-eks Deputat Mexxej Laburista, Joe Brincat u kif ukoll l-eks Deputat Luciano Busuttil.

Dan apparti wkoll li l-President ta’ Malta George Vella dejjem qal li huwa kontra l-abort. 

Fil-kummenti tiegħu Evarist Bartolo kompla li din il-liġi li ġiet proposta biex tagħmel l-affarijiet bojod u suwed flok griżi. Iżda l-griż xorta se jibqa’. Xorta se jibqa’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni personali x’inhu periklu għall-hajja tal-omm u x’inhu abort. L-eks Ministru Laburista qal li xi ħaġa bħal din jeħtieġ li jkun hawn diskussjoni dwarha, fejn nisimgħu lil xulxin fejn jagħmel referenza ċara għall-Prim Ministru Robert Abela, b’Bartolo jgħid li din l-għaġġla kollha qed taħsad pajjiż u l-pass li ttieħed huwa bla ħsieb bil-għaqal.