Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier: Is-sittax-il ġurnata tipprovdi bosta konfronti diretti miż-żewġ naħat tal-klassifika

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

Wara l-waqfa minħabba l-FA Trophy, il-Kampjonat BOV Premier ikompli l-Ġimgħa b’partita waħda bejn żewġ timijiet li evidentament huma ddestinati fil-ġlieda biex iżommu posthom fl-għola diviżjoni, Santa Lucia u Żebbuġ Rangers. Żewġ konfronti mis-16-il ġurnata, li żgur se jkunu interessanti huma dawk bejn Hibernians u Mosta kif ukoll Floriana kontra Birkirkara li t-tnejn li huma jintlagħabu għada s-Sibt.

Santa Lucia vs Żebbuġ Rangers | Il-Ġimgħa, fit-20:30, fis-Centenary Stadium

Konfront dirett min-naħa t’isfel tal-klassifika huwa dak bejn Santa Lucia u Żebbuġ Rangers, biż-Żebbuġin li jinsabu fit-12-il post b’7 punti filwaqt li Santa Lucia qedin taħthom eżatt fit-13-il post b’5. Żebbuġ għadhom kif ġew eliminati minn Swieqi United fl-FA Trophy filwaqt li s-Siants issorprendew meta eliminaw lill-eks klabb tal-kowċ Potenza, Foriana b’rebħa ta’ 1-0. Rebħa għal Żebbuġ tkun tfisser li jitilgħu għal 10 punti, bid-distakk bejnhom u bejn l-avversarji jiżdied għal 5 punti. Santa Lucia wkoll għandhom bżonn rebħa ovjament biex isibu posthom fil-pożizzjoni play-off hekk kif rebħa ttelgħhom fit-12-il post, punt fuq l-istess Żebbuġ.

Fl-ewwel round Żebbuġ għelbu lil Santa Lucia 2-0.

Hibernians vs Mosta | Is-Sibt, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Wieħed mill-konfronti interessanti, fil-ġlieda għal post mal-ewwel erba’ huwa dak bejn Hibernians u Mosta, bil-Pawlisti se jkunu qed jilagħbu fil-ground tagħhom, it-Tony Bezzina Stadium. Hibernians jinsabu r-raba’ b’27 punt, bil-Mostin eżatt taħthom b’26 segwiti minn Floriana b’25. Hibernians sfortunatament tilfu lil goalkeeper Ibrahim Kone, li waqt li kien qed jirkupra minn injury li ħallietu barra għal diversi ġimgħat, kiser idu waqt it-taħriġ u se jkun qed jitlef il-kumplament tal-kampjonat. Barra minnhekk huma jridu jinsew u ma jħallux il-fatt li għandhom tlieta mill-aqwa plejers li għadhom ma ffirmawx kuntratt ġdid jaffetwhom fil-logħob jekk iridu jżommu posthom mal-ewwel erba’, fejn rebħa tista wkoll ittelagħhom aktar ‘il fuq fil-klassifika. Mosta, li minn naħa tagħhom diġa’ qabżu l-aspettativi,  bla dubju li issa jinsabu f’din il-pożizzjoni, se jipprovaw isibu posthom f’kompetizzjoni Ewropea għat-tieni darba fl-istorja tagħhom.

Fl-ewwel round Hibernians rebħu lil Mosta bl-iskor kbir ta’ 5-0.

Floriana vs Birkirkara | Is-Sibt, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Floriana u Birkirkara b’objettivi simili ta’ Hibernians u Mosta, jiltaqgħu kontra xulxin għada fl-Istadium Nazzjonali, f’dik li qed titqies bħala l-logħba tal-ġimgħa mis-16-il ġurnata. Floriana għadhom kif ġew eliminati minn Santa Lucia fl-FA Trophy iżda fil-kampjonat ġejjin minn żewġ rebħiet infila kontra Pietà u Sirens rispettivament. Il-Greens jinsabu fis-sitt post tal-klassifika b’25 punt, tliet punti taħt l-istess Birkirkar,a iżda qedin f’pożizzjoni fejn rebħa tista ttellagħhom żewġ postijiet filwaqt li telfa tista saħansitra tniżżilhom fit-tmien post. Min-naħa l-oħra Birkirkara jinsabu fit-tielet post bi 28 punt, wieħed biss taħt it-tim tat-tieni post Gżira United. L-Istripes ukoll għandhom bżonn punti massimi min dan il-konfront minħabba li anke huma jistgħu jinqabżu jekk fil-partita bejn Hibernians u Mosta jkun hemm rebbieħ. Giovanni Tedesco għal din il-partita mistenni jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-akkwist il-ġdid Matteo Fedele li ngħaqad magħhom mingħand Ħamrun Spartans.

Fl-ewwel round Birkirkara għelbu lil Floriana 1-0.

Gudja United vs Balzan | Is-Sibt, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium

Anke hawn għandna sitwazzjoni ta’ żewġ timijiet li punt biss qed jifridhom fil-klassifika, b’Gudja United għandhom 24 punt fis-seba’ post filwaqt li Balzan jinsabu fit-tmien post bi 23. Aktar kmieni din il-ġimgħa Gudja akkwistaw b’self lill-attakkant promessa ta’ Ħamrun Spartans Shaisen Attard li se jkun qed jagħti aktar għażla lill-kowċ Andrea Agostinelli. Minbarra r-rebħa fl-FA Trophy kontra Naxxar Lions, Gudja ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Gżira United. Balzan min-naħa l-oħra ġejjin minn serje ta’ riżultati pożittivi fejn mill-aħħar erba’ ħarġiet fil-kampjonat rebħu tlieta u tilfu kontra Birkirkara f’partita li kien ħaqqhom tal-inqas punt minnha. 

Fl-ewwel round Gudja rebħu lil Balzan 1-0.

Sirens vs Valletta | Il-Ħadd, fil-11:30 fit-Tony Bezzina Stadium

Sirens kontra Valletta hija partita oħra li għandha tkun bilanċjata, fejn anke hawnekk għandna żewġ skwadri li jinsabu taħt xulxin fil-klassifika. Sirens, li fl-FA Trophy avvanzaw b’rebħa fuq Mqabba, fl-aħħar konfront fil-kampjonat sofrew telfa minima ta’ 1-0 kontra Floriana wara rebħiet fuq Pietà u Birkirkara rispettivament. L-objettiv ta’ Sirens f’dan l-istadju żgur huwa li jersqu kemm jista jkun lejn nofs il-klassifika filwaqt li rebħa għal Valletta tista terġa tqajjem tamiet ġodda għal post mal-ewwel erbgħa, għalkemm fil-mument dan jidher xi ftit diffiċli. Li hu żgur hu li jekk il-prestazzjoni kontra Sirens tkun simili għal dik kontra Pietà, huwa diffiċli biex Valletta jiksbu t-tliet punti minn din il-logħba. Wieħed irid jara kemm id-difensur Jean Borg, li mar jilgħab fis-Serie C fl-Italja, se jkun qed jinħass fid-difiża Beltija hekk kif jidher li dan mhux se jkun sostitwit minn akkwist ġdid tal-inqas f’din il-partita.

Fl-ewwel round Valletta u Sirens spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.

Marsaxlokk vs Gżira United | il-Ħadd, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali

Pablo Doffo u sħabu bla dubju li qed jittamaw li r-rebħa ta’ 5-0 kontra Żejtun fl-FA Trophy, tgħolli l-moral tat-tim Xlukkajr hekk kif fil-Kampjonat ilhom seba’ logħbiet ma’ jiksbu rebħa fejn saħansitra ma ħadu l-ebda punt mill-aħħar tliet konfronti. Fil-klassifika Marsaxlokk jinsabu fil-11-il post b’14-il punt, u għalkemm qedin 7 punti fuq Żebbuġ Rangers, huwa importanti li jibdew jieħdu l-punti biex jevitaw li javviċinaw lejn iż-żona play-off. Gżira, li fuq il-karta huma l-favoriti, jinsabu fit-tieni post b’29 punt, 11-il punt taħt il-leaders Ħamrun Spartans u se jkunu qed jipprovaw jirbħu minħabba li bħat-timijiet ta’ taħthom telfa jew draw tista tniżżilhom l-isfel fil-klassifika. Darren Abdilla se jkun mingħajr l-attakkant Maxuell Maia li qed jiskonta sospensjoni ta’ tliet logħbiet wara li kien muri karta ħamra diretta fl-FA Trophy kontra Sliema Wanderers.

Fl-ewwel round Gżira United u Marsaxlokk spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls.

Pietà Hotspurs vs Ħamrun Spartans | il-Ħadd, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali

Konfront iebes għall-aħħar għat-tim li jinsab fil-qiegħ tal-klassifika Pietà Hotspurs, hekk kif fl-aħħar logħba mis-16-il ġurnata se jiltaqgħu kontra l-leaders u l-aktar tim fil-forma Ħamrun Spartans. Pietà kisbu punt fl-aħħar logħba fil-kampjonat kontra Valletta iżda kienu ġejjin minn erba’ telfiet infila. Aktar kmieni din il-ġimgħa huma preżentaw akkwist ġdid, il-Brażiljan David Rodrigues Miranda li wieħed irid jara l-impatt tiegħu fit-tim ta’ Rodney Bugeja x’se jkun. Ħamrun Spartans ħadu xokk żgħir fl-FA Trophy fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta kontra Għajnsielem sad-90 minuta kienu qed jitilfu 1-0 u għalhekk kienu ftit minuti ‘lbogħod minn eliminazzjoni bikrija, iżda rnexxielhom iġibu d-draw u eventwalment jirbħu l-partita fil-ħin barrani. Lura fit-tim, Ħamrun għandhom lill-Internazzjonali Malti Joseph Mbong li temm ħesrem l-avventura tiegħu fl-Iżrael u reġa ngħaqad mal-Ispartans filwaqt li l-midfielder Matteo Fedele ingħaqad ma’ Birkirkara. Bi 11-il partita ‘l bogħod minn tmiem il-kampjonat, kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, Ħamrun diġa’ jistgħu imissu b’idejhom id-disa’ kampjonat fl-istorja u jekk mhux għax iwettqu xi sorpriża Pietà, din il-logħba għanda tkun pass ieħor fid-direzzjoni għar-rebħ tat-titlu għall-iskwadra mmexxija minn Branko Nisevic.

Fl-ewwel round Ħamrun Spartans għelbu lil Pietà bl-iskor ta’ 2-0.

Azzjoni mill-partita tal-ewwel round bejn Ħamrun Spartans u Pietà Hotspurs mirbuħa minn Ħamrun 2-0 (Ritratt: Joseph Galea)