Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola saret l-ewwel mexxejja tal-istituzzjoni li ddikjarat l-affarijiet li tirċievi f’isem l-istituzzjoni Ewropea.
Wara l-iżviluppi li seħħew f’Diċembru li għadda meta l-Viċi President Soċjalista Eva Kailli ġiet arrestata fuq allegat korruzzjoni, il-President Metsola wegħdet sensiela ta’ riformi biex il-Parlament ikun iktar trasparenti. Ġimgħa ilu, hija ppreżentat proposti maħsuba biex isaħħu l-integrità u l-indipendenza tal-Parlament Ewropew.
Bħala r-rappreżentant tal-Parlament Ewropew fid-diversi lagħat li jkollha ma’ mexxejja u organizzazzjonijiet, hija tirċievi diversi oġġetti maħsuba biex jidħlu fil-kollezzjoni tal-istituzzjoni Ewropea. Din hi l-istess prassi li ssir kull darba li jkun hemm laqgħat bejn Presidenti ta’ Stati jew Prim Ministri ta’ pajjiżi differenti. Filwaqt li l-Presidenti tal-Parlament Ewropew ta’ qabel Roberta Metsola dejjem għażlu li jirreġistrawhom fl-aħħar tal-mandat, Roberta Metsola riedet timxi bl-eżempju billi tiddikjara kollox qabel u tagħmilhom pubbliċi fuq is-sit elettroniku tal-Parlament Ewropew.
B’kollox laqgħet f’isem il-Parlament Ewropew 142 rigal fl-ewwel sena bħala President. Dawn jinkludu vażun mill-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, xalla mill-Prim Ministru ta’ Franza u mudell ta’ torri tad-deheb minn politiku Marokkin. Dawn ir-rigali jibqgħu propjetà tal-Parlament Ewropew. Rigali oħra inkludew prodotti tal-ikel tipiċi tal-pajjiż li tkun żaret.
//= $special ?>