Raġel mill-Mellieħa beda għaddej proċeduri mixli bil-qtil involontorju ta’ mara Tuneżina ta’ 30 sena f’Novembru tal-2021 fit-Telgħa tax-Xemxija wara li spiċċat imtajjra minn karozza Mercedes Benz C350. Il-mara kienet mietet mad-daqqa fejn spiċċat aktar minn 20 metru l-bogħod minn fejn hija kienet taħt bumper ta’ karozza. Minn xhieda fil-Qorti rriżulta li s-sewwieq kien taħt l-effett tad-droga kokaina u taħt l-influwenza tax-xorb u li kien ukoll ħabat ma diversi karozzi u kien spiċċa wkoll fil-karreġġata opposta.
Wayne Buttigieg ta’ 43 sena, li qed iwieġeb mhux ħati qed jiġi akkużat li fl-14 ta’ Novembru ta’ sentejn ilu, għall-ħabta tat-8pm kkaġuna l-mewt ta’ Rania Boughattas minħabba sewqan perikoluż, traskuraġni u negliġenza, li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb, b’veloċità eċċessiva, fuq il-karreġġata l-ħażina u għamel ħsara fuq żewġ karozzi u ċint għad-dannu tal-Fondazzjoni Turistiċi.
L-ewwel xhud fl-ewwel ġbir tal-provi kien ir-raġel tal-vittma, Nadil Ben Soltana, li b’mod kommoventi ħafha qal lill-Qorti li kien għadu kemm jiżżewweġ u li kien ġie Malta għall-btala u spiċċa biex tilef lil martu fl-aħħar jum tagħhom li kellhom jagħmlu fil-pajjiż.
Huwa qal li l-aħħar jum f’Malta qattgħuh iduru mal-pajjiż b’karozza tal-kiri u kienu alloġġati f’appartament f’San Pawl il-Baħar, ftit metri il-bogħod minn fejn seħħ l-inċident. Ben Soltana, li ġie Malta għal tal-apposta biex jixhed fejn miegħu ġew ukoll diversi membri tal-familja tiegħu qal li kien ipparkja quddiem il-baħar fuq in-naħa l-oħra tal-appartament fejn kien qed joqgħodu. Huwa xehed permezz ta’ l-interpretu Dr. Anthony Licari li beda jittraduċi mill-lingwa Franċiża għal dik Maltija.
Qal li hu ħareġ mill-karozza bil-mara tiegħu tibqa’ fiha għax kienet qed tpoġġi xi affarijiet fil-basket, u għalhekk ħalliha għal xi ħin fil-karozza. Minn naħa tiegħu hu telaq bil-mixi fid-direzzjoni ta zebra crossing, u qasam it-triq. Tenna li kien ftit metri ‘l bogħod miż-zebra crossing, iżda waqaf għaliex irrealiżża li kien hemm karozza tat-tip Mercedes kienet ġejja b’saħħa kbira, u li sa dak il-ħin ma kienx jaf fejn kienet eżatt martu.
Evita lir-raġel tal-vittmi bi ftit ċentimetri
“Waqaft biex nagħti ċ-ċans il-karozza tgħaddi għax din donnha bdiet iżżid fil-veloċita u rajt lil mara taqsam minn naħa l-oħra. F’daqqa waħda smajt ħoss kbir u bqajt hemm ma nafx x’se naqbad nagħmel,” qal ix-xhud, li f’mumenti wkoll beda jibki fis-skiet.
Kompla jgħid li s-sewwieq kien qed jidher li ġej għad-direzzjoni tiegħu u li lanqas ipprova juża’ l-brejks għax baqa’ għaddej b’saħħtu. Tenna li lilu evitah bi ftit ċenti-metri u spiċċa mar fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Qal li t-triq mhux wiesgħa u saħaq li kieku ried is-sewwieq seta’ jieqaf imma donnu lanqas biss ipprova. Tant ġara kollox malajr li lanqas laħaq dawwar rasu li ma semgħax ħoss kbir li kien kisser kollox, f’kelma waħda kisser numru ta’ karozzi, tlieta żgur, huwa qal.
Mistoqsi mill-Qorti jekk huwa rax lil min kien qed isuq il-karozza, x-xhud qal li le. Qal li baqa’ ftit waħdu eżatt wara l-inċident u s-sewwieq kien għadu ma’ niżilx mill-karozza, u kien hu li mar mill-ewwel fuq il-mara tiegħu. “Meta l-għajnuna kienet waslet minn diversi nies rajt raġel li kien viċin in-nies li ġew jagħtu l-għajnuna lil marti.
Rajt raġel li ma kellux ħafna xagħar u ftit qabel rajtu meta mar jara jekk il-mara tiegħi kinitx ħajja jew le. Fil-darr f’ħin minnhom mar jiċċekkja l-polz tagħha, propja rajtu jpoġġi subajgħ ma’ għonqa”, qal ir-raġel tal-vittma. Hawn huw indika lill-akkużat bħala l-persuna li sa dak il-ħin kien assuma li tajjar lil martu u għarfu fil-Qorti bħala l-persuna li ra dak inhar. Tenna li l-akkużat dak inhar stranament deher kalm ħafna. Ben Soltana qal li bħalissa huwa jgħix il-Belġju.
Il-vittma spiċċat taħt bumper ta’ karozza u diversi oġġetti tagħha mxerrdin
Wara xehed l-Ispettur George Frendo li qal li fl-14 ta’ Novembru, 2021, kien inkarigat mid-Distrett tal-Qawra u qal li filgħaxija kien irċieva telefonata mingħand is-Surġent Joseph Attard li qallu li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku.
Tenna li mar fuq il-post ftit minuti wara fejn l-uffiċjali tal-Pulizija diġa kienu hemm fejn issiġġillaw ix-xena tal-inċident. Hemm ra diversi ħsarat li kienu ġarrbu. Fit-triq kien hemm diversi oġġetti tan-nisa li jinkludu habdbag, xalla u partijiet ta’ xagħar tan-nisa.
Il-viittma diġa kienet bla ħajja u kien hemm Mercedes sewda. Il-mara qal ix-xhud diġa kienet iċertifikata mejta minn tabib li wasal mill-isptar Mater Dei. Kien ittieħed l-isptar ukoll ir-raġel tal-vittma, l-akkużat u żewġt t’ibniet minorenni li dak il-ħin kienu rekbin mal-akkużat.
Dawn kollha ġew invistati bit-tfajliet kienu ġarrbu feriti ħfief ħafna u r-raġel tal-vittma kien qed ibati minn xokk kbir. Huwa qal li l-vetturi kienu ġarrbu ħsarat kbar bil-mara kienet spiċċat imkaxkra għal diversi metri u waqfet taħt bumper ta’ karozza.
L-Ispettur Frendo qal li r-raġel tal-vittma ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għal xi domanda, minħabba x-xokk li kellu fuqu fejn miegħu kien hemm ħabib li kien qed jassistih. Il-mistoqsijiet sarulu imbagħad f’ġurnata oħra.
Ix-xhud qal li l-akkużat Wayne Buttigieg meta ġie interrogat qallu li ra raġel jaqsam u biex jevitah kiser għan naħa l-oħra tat-triq u sab lill-vittma li kien kaxkaraha diversi metri. Fuq mistoqsija tal-Qorti dwar jekk jafx x’irriżultaw it-testijiet li saru fuq l-imputat, ix-xhud qal li ttieħdu xi kampjuni tad-demm u tal-awrina u ħareġ li Buttigieg kien ikkonsma l-alkoħol u kellu l-kokaina fid-demm.
Għall-akkużat qed tidher l-Avukat Josette Sultana, filwaqt li l-Avukat Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru bħala parte civile f’isem ir-raġel tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Matthew Galea. Il-każ ikompli f’Marzu.
//= $special ?>