Lokali

AĠĠORNATA: Fil-periklu tal-mewt wara li nqabad fit-trakk u spiċċa f’għalqa

Raġel ta’ 66 sena residenti Ħaż Żabbar qed jissielet għal ħajtu wara ħabta bejn trakk u trailer fi Triq Ħal Far.

L-inċident seħħ għal ħabta tal-10:45am hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident bejn trakk u trailer.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li trakk misjuq mill-vittma u trailer misjuq minn raġel ta’ 60 sena residenti Ħal Kirkop baqgħu deħlin f’xulxin. Kaġun tal-impatt it-trakk tkaxkar għal xi metri u spiċċa f’għalqa biswit it-triq.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili hekk kif is-sewwieq inqabad fil-vettura. Wara operazzjoni delikata s-sewwieq ittieħed l-isptar Mater Dei għal aktar kura.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.