Lokali Qorti

Xahar ħabs għal raġel bi problema ta’ droga għax ħebb għal missieru

Raġel ta’ 46 sena li għandu problema ta’ droga ġie kundannat xahar ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella wara li nstab ħati li ħebb għal missieru f’Ħaż-Żebbuġ fir-residenza tal-vittma stess. Irriżulta mill-provi li aggressjoni fuq missieru saret meta mar għandu biex ikellmu qabel ma kellu appuntament biex jieħu l-kura għad-droga.

Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella huwa kien mixli li ffastidja u kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza kontra l-ġenituri tiegħu, li ħebb għall-ġenituri tiegħu, u li heddidhom kif ukoll li hu riċediv. Il-każ seħħ fit-2 ta’ April, li għadda. Irriżulta wkoll li l-ħati kien ordnat mill-Qorti biex ma jersaqx lejn il-ġenituri tiegħu, huwa xorta kien baqa’ jmur id-dar għall-flus kif ukoll jiltaqa’ ma’ missieru fit-triq biex jiġbor il-flus għad-droga.

Il-missier li huwa wieħed mill-vittmi flimkien mal-omm qal fil-Qorti li peress li ibnu ma setax imur id-dar, biex ikollu fejn jgħix hu stess kien qed iħallaslu l-lukanda fejn joqgħod. Xehed li għal snin twal ibnu kellu l-problema akuta tad-droga. 

Tant kemm il-problema kienet kbira li darba fost oħrajn ibnu qallu li se jmur l-Isptar Monte Carmeli għall-kura kontra d-droga. Kien staqsieh jistax imur id-dar biex jieħu kafè, jiekol ftit qabel ma jmur bill-missier jaċċetta. Tenna li  Qal li fil-ħin li kienu qed jitkellmu, huwa induna li ibnu beda dieħel minn kamra għall-oħra u jieħu d-droga. 

Meta qallu li ma jaċċettax li jieħu d-droga fid-dar tiegħu u qallu li aġjar imur għall-kura, ibnu qallu li qed jieħu ftit biex jagħmel il-kuraġġMinkejja li l-ħin għadda sew, u staqsieh x’ħin kien sejjer, ibnu sar kemmxejn aggressiv u wieġbu li mhu sejjer imkien u li mhux se jitlaq mid-dar għax hu ma jgħidlux x’għandu jagħmel u x’ma jagħmilx.

Il-missier qal li dak il-ħin ibnu qam għalih u qabad xi ħaġa tqila u waddabhielu. Huwa li tbaxxa u l-oġġett iebes baqa’ għaddej minn ma’ rasu u mar jagħmel rapport lill-Pulizija. Il-missier qal fil-Qorti li dan kien inċident iżolat għax ma kienx qed jersaq lejn id-dar dak iż-żmien.

Iħallaslu għad-droga

Il-missier qal iżda li ta’ spiss kien ikollu problemi ma’ ibnu minħabba li kien ikun jaf li sejjer jixtri d-droga fejn hu kien jispiċċa wkoll iħallaslu għad-droga. Xehed li meta ma kienx ikun taħt l-influwenza tad-droga huwa bniedem differenti, iżda meta jkun taħt l-effett jitħassru u jgħiodlu miskin. Missier il-ħati qal fil-Qorti li kien jitkellmu ħafna ma’ ibnu u dan kien jagħmlu kważi kuljum. Importanti qal li jżomm ir-relazzjoni ta’ bejn missier u iben.

Xehdet ukoll l-omm li qalet li dakinhar li ħebb għal missieru kienet fuq u bdiet tipprova tevitah għax deher vjolenti, tant li tela’ u lilha taha daqqa’ ta’ ponn fuq rasha. Qalet li tibża’ minnu u li ilhom 25 sena għaddejjin b’din l-istorja u issa għajjiet. Qalet li tibża’ li jispiċċa joqtol lil xi ħadd meta jkun taħt l-effett tad-droga.

Hija qalet li binha kien ħareġ mill-ħabs fl-aħħar ta’ Jannar tal-2022 u kkonfermat li missieru kien qed iħallaslu l-lukanda fejn jgħix u kien imur jagħtih il-flus kuljum biex jiekol u għad-droga. Xehdet li kien imur id-dar bit-taxi għall-flus anke bil-lejl. 

L-omm tenniet ukoll li żewġha ġieli mar ukoll jiġbed il-flus mill-ATM biex jagħtihom lil ibnu. Sostniet li hi u żewġha jinsabu mhedda minnu għax kien jgħidilhom jew jobduh, inkella jsawwathom. Qalet li ħaliha huwa bniedem mejjet għax ma tifilħux aktar u li tibża’ ħafna minn għax ġeili sawwatha u li darba kissirlha l-karozza meta kien taħt l-influwenza tal-kokaina.

Il-Maġistrat Gabriella Vella, fis-sentenza tagħha qalet li madankollu l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li ffastidja u li beżża’ lill-ġenituri tiegħu. Qalet li m’hemmx dubju li bejn il-ġenituri u l-iben hemm storja ta’ inkwiet iżda ta’ dawn diġà ttieħdu passi kriminali.

Qalet li sa Jannar, 2022, huwa kien il-ħabs u għalhekk sa dak iż-żmien ma kienx hemm inċident fejn id-dar tal-ġenituri. Dwar il-perjodu bejn Jannar u April, meta seħħ il-każ, il-Qorti nnotat li x-xhieda tal-ġenituri ma taqbilx. Il-missier qal li dan il-każ kien wieħed iżolat u l-omm qalet li ġieli kien hemm inċidenti oħra.

Il-Qorti qalet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova lil hinn minn kull dubju l-ħtija tal-imputat u għalhekk ma sabitux ħati li ffastidjahom u beżżagħhom. Il-Qorti ma sabitux ħati li kiser ordni tal-Qorti meta ltaqa’ ma’ missieru u mar f’dar il-ġenituri għax mar bil-permess tal-missier u l-missier kien jiltaqa’ miegħu b’mod volontarju.

Hija sabitu ħati biss li ħebb għal missieru iżda ma sabitux ħati li ħebb għal ommu għax lanqas provat tagħti data ta’ meta seħħ il-każ u għalhekk ma ġabitx prova konkreta. Għaldaqstant, huwa ġie kundannat xahar ħabs u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin biex jindirzza l-problema tad-drogaHija ħarġet ordni ta’ trażżin favur missieru għal sentejn. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.