Raġel ta’ 26 sena mir-Rabat ġie mixli li fil-ħinijiet ta’ wara nofs inhar tal-15 ta’ Jannar li għadda ħaraq madwar 60 paletta fl-inħawi tal-Irziezet tal-Imtaħleb fir-Rabat, Malta. L-Ispettur Godwin Scerri xela lil Nicholai Galea li għamel ħsara għad-dannu ta’ familja sħiħa, liema ħsara ma tiskorrix il-250 ewro. Jidher li żewġ familja ilhom fi kwistjoni bejniethom fuq biċċa art fl-inħawi u kemm il-darba dawn għamlu rapporti fuq xixlin fl-Għassa tar-Rabat.
L-Avukat Veronique Dalli li flimken mal-Avukat Dean Hili li deheret għal Galea qalet li dan huwa każ ta’ portata żgħira u li l-paletti kienu tal-akkużat stess, xi ħaġa li ma qabilx magħha l-Ispettur Scerri. Id-difiża għamlet talba għall-pleġġ tal-akkużat li ma sabitx oppożizzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni sakemm li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija u iħalli depożitu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ 250 ewro u garanzija personali ta’ 3,000 ewro u li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa, meta jrid bejn it-8am u 8pm. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur t-tliet vittmi kollha persuni femminili sakemm jiġi eżawrit il-każ.
//= $special ?>