“Il-qalba u l-karattru sabiħ tal-irħula u l-ibliet qed ikunu rovinati għax il-policies li jirregolaw l-ippjanar huma miftuħin wisq għall-interpretazzjonijiet differenti.
U f’każ wara l-ieħor, il-Partit Nazzjonalista qed jinnota li l-Gvernijiet Lokali, li huma l-aktar struttura viċina lejn ir-residenti u l-lokalità tagħhom, qed jispiċċaw injorati fil-proċess tal-ippjanar”.
Fi stqarrija d-Deputati Parlamentari Nazzjonalisti Stanley Zammit u Darren Carabott saħqu li minkejja l-ħafna diskors sabiħ, il-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma ċċarax jew irreveda policies li għandhom ikunu applikati f’zoni li jmissu maz-zoni ta’ konservazzjoni urbana.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jtenni t-tħassib tiegħu għall-mod kif il-Gvern għadu jixxaħħaħ mal-Gvernijiet Lokali u mhux jagħtihom ir-riżorsi li għandhom bżonn, inklużi dawk finanzjarji, biex jikkonsultaw mal-esperti u t-tekniċi li jkollhom bżonn jinkarigaw ħalli jaqbżu għall-interessi tar-residenti, għall-ambjent u għall-ġid tal-lokalità tagħhom waqt il-proċess tal-evalwazzjoni tal-permessi.
B’riżultat ta’ dan in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern, qed ikun hemm aktar applikazzjonijiet għand l-Awtorità tal-Ippjnanar għall-iżvilupp li jmiss jew ikun viċin ħafna ta’ bini f’zona ta’ konservazzjoni. Dawn mhux biss jistonaw ħafna ma’ binjiet b’arkitettura u b’karattru, iżda jservu ta’ preċedent ħażin biex jinħarġu aktar permessi li jirrovinaw l-estetika u l-fiżjonomija taċ-ċentri urbani.
Il-Partit Nazzjonalista nnota numru ta’ każi fejn, anke jekk il-Gvern Lokali jkun oġġezzjona għall-iżvilupp u minħabba l-limitazzjoni fl-allokazzjoni finanzjarja tiegħu, ma jkollux il-mezzi finanzjarji biex isegwi u eventwalment jekk ikun il-każ jappella minn dawn iid-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern ta’ Robert Abela biex ma jibqax jinjora lill-Gvernijiet Lokali u l-NGOs ambjentali fid-deċiżjonijiet relatati mal-ippjanar. Jinsisti li hemm bżonn parteċipazzjoni aktar effettiva ta’ dawn l-entitajiet fil-livelli kollha fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, inkluż fuq il-Bord tal-Ippjanar d-dritt għal vot. Barra minn hekk, konsultazzjoni reali fil-livelli kollha għandha ssir obbligatorja.
Il-Partit Nazzjonalista tenna u insista wkoll li għandha tiżdied l-allokazzjoni mill-Gvern Ċentrali għal dan il-għan ħalli l-Gvernijiet Lokali jkunu jistgħu jingħataw u jkollhom ir-riżorsi li jirrikorru għall-pariri peritali u legali, fost l-oħrajn b’mod regolari dwar applikazzjonijiet ta’ żvilupp li jaffetwaw lil-lokal, kif propost fid-dokument riċentament “Gvern Lokali ta’ Vera”, ippubblikat mill-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>