Internazzjonali

Ċinema: ‘All Quiet on the Western Front’ b’14-il nominazzjoni għal Bafta Award

Il-film dwar l-Ewwel Gwerra Dinjija bl-isem All Quiet on the Western Front għandu l-akbar ammont ta’ nominazzjonijiet għall-Bafta (British Academy Film) Awards ta’ din is-sena.

Dan sar magħruf wara li tħabbru n-nominazzjonijiet  għall-premju inkwistjoni li jonora lill-aqwa esponenti u produzzjonijiet fil-qasam tal-films u t-televiżjoni fir-Renju Unit.

Dan il-film partikulari, li jibbaża fuq in-novella traġika ta’ Erich Maria Remaraque, hu anki l-ewwel produzzjoni għaċ-ċinema li kisbet 14-il nominazzjoni jew aktar minn wara The King’s Speech, fl-2011.

Il-kompetituri l-oħrajn għall-Premju Bafta lill-Aħjar Film (2022-3) huma The Banshees of Inisherin; Elvis;Everything Everywhere All At Once, u Tár.

Ir-rebbieħa tal-Baftas jitħabbru waqt ċerimonja speċjali f’Londra li ssir fid-19 ta’ Frar u li se titmexxa mill-attur u preżentatur Richard E Grant.