Internazzjonali

Il-Ġermanja: Taħt pressjoni biex tibgħat it-tankijiet tal-gwerra lill-Ukreni

Kampfpanzer Leopard 2 A5 bei einer Lehr- und Gefechtsvorführung.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Olaf Scholz jinsab taħt pressjoni kbira biex jesporta tankijiet tal-gwerra tat-tip Leopard 2 lill-Ukreni biex ikunu jistgħu jirreżistu aħjar lill-militar Russu f’pajjiżhom. Dan meta r-rappreżentanti ta’ aktar minn 50 pajjiż qed jiltaqgħu fil-bażi tal-ajru ta’ Ramstein, fil-Ġermanja, biex jikkoordinaw il-provvisti tal-armamenti lill-Ukrajna.

Fl-istess ħin, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, enfasizza mill-ġdid li l-Kapijiet tad-Difiża fil-Punent jeħtieġu jipprovdu l-armamenti moderni lill-Ukreni mill-aktar fis possibbli fost l-urġenza tas-sitwazzjoni.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Lloyd Austin, li qed imexxi din il-laqgħa f’Ramstein, ukoll ħeġġeġ lill-Alleati biex jappoġġjaw lill-Ukrajna li qed tiffaċċja mument ferm deċiżiv fil-konflitt. Madankollu, il-Prim Ministru Pollakk Mateusz Morawiecki jinsab pessimist li l-Gvern Ġermaniż se jieħu l-passi urġenti biex jibgħat it-tankijiet tal-gwerra lejn l-Ewropa.

Intant ir-reazzjoni tar-Russja għal din il-laqgħa kienet immedjata, fost twissija lill-pajjiżi tal-Punent li jkunu qed jissugraw eskalazzjoni perikoluża ferm għall-konflitt f’każ li huma jipprovdu lill-Ukreni bit-tankijiet tal-gwerra.