Lokali Sport Sport Ieħor

Ir-Reġjun Lvant magħżul ‘Reġjun Ewropew tal-isport għall-2023’

Fil-Kumpless tal-Universitá f’Tal-Qroqq, saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ sena’ ta’ sport wara li l-Kunsill Reġjun Lvant intgħażel bħala ‘Ir-Reġjun Ewropew tal-Isport għall-2023’ minn ACES – European Capitals and Cities of Sport.

Tnax-il kunsill jgħamlu parti mir-Reġjun Lvant : Birkirkara, Għargħur, Gżira, Iklin, Lija, Msida, Pembroke, Pietà, San Ġiljan, Sliema, Swieqi u Ta’ Xbiex.

F’ċerimonja li għaliha attenda il-President ta’ Malta George Vella li uffiċjalment fetaħ dan il-logħob, f’indirizz li għamel Anthony Chircop bħala President tal-Kunsill Reġjonali Lvant u Chairman tal-Kumitat Organizattiv, ta’ dettalji dwar l-impenn tal-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun Lvant u l-impenn tagħhom fl-organizazzjoni ta’ bosta attivitajiet sportivi matul l-2023.

Hugo Alonso, Segretarju Ġenerali ta’ ACES Europe bgħat ukoll b’mod awdjo viżiv il-messaġġ tiegħu lir-Reġjun Lvant li ntgħażel bħala r-Reġjun Ewropew għall-isport 2023.

Preżenti wkoll Alison Zerafa Civelli Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali, Darren Carabott, kelliem għal Kunsilli Lokali fi ħdan il- Partit Nazzjonalista kif ukoll Graham Bencini kelliem għall-Isport tal-Partit Nazzjonalista. Emile Vassallo, uffiċjal fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni indirizza wkoll iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ.

Waqt l-istess ċerimonja, saret dimostrazzjoni ta’ sport minn ċiklisti ta’ BMX Malta, wirja ta’ ġinnastika minn Gymnastics Academy fi ħdan Sport Malta kif ukoll parteċipazzjoni attiva ta’ plejers mill-Malta Wheelchair Basketbal Association.

Matul l-2023 tnax-il lokalità li jaqgħu fir-Regjun Lvant b’kollaborazzjoni bejn kull Kunsill Lokali u entitajiet u klabbs tal-isport fil-lokalità rispettiva, se jorganizzaw kompetizzjonijiet bil-għan li jattiraw membri tal-komunità għall-isport u fl-istess waqt tikber il-parteċipazzjoni f’attivitajiet sportivi u l-kunċett ta’ Sport għal Kulħadd.