Internazzjonali

Is-Serbja: Rabja dwar l-ingaġġ ta’ ġellieda mill-qawwiet Russi

It-Tmexxija tas-Serbja tinsab urtata ferm wara li ħareġ filmat tal-aħbarijiet mir-Russja li juri lill-voluntiera Serbi qegħdin jitħarrġu biex jiġġieldu spalla ma’ spalla mas-suldati Russi fl-Ukrajna.

Din ir-reazzjoni żvelat relazzjoni kumplikata bejn is-Serbja u Moska speċjalment wara li l-grupp tal-merċenarji bl-isem Wagner – magħruf bħala l-Armata Privata tal-President Russu Vladimir Putin – ipproduċa l-filmati bil-lingwa Serba bil-ħsieb li jingaġġa aktar ġellieda mis-Serbja għal miegħu.

Intant, il-President tas-Serbja, Aleksandar Vucic, irreaġġixxa bir-rabja għal dan l-iżvilupp u, waqt diskors fuq it-televiżjoni, staqsa għalfejn il-kapijiet ta’ Wagner qed jippruvaw jingaġġaw il-ġellieda Serbi meta jafu li dan imur kontra l-liġijiet ta’ pajjiżhom.

Il-kritiċi kemm-il darba jakkużaw lis-Serbja b’li qed tagħti priorità lill-ħbiberija mar-Russja aktar milli qed tkattar l-ambizzjoni biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Iżda dan l-episodju qed juri li r-relazzjonijiet bejn Belgrad u Moska mhumiex daqstant ċari daqskemm wieħed jaħseb.

Fil-fatt, il-President Vucic kompla jindika li r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu mar-Russja jistgħu mhumiex daqshekk tajbin, fost l-istqarrija li ‘mhux talli s-Serbja hi newtrali fir-rigward tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna, iżda hu (Vucic) ilu xhur sħaħ ma jitkellem direttament mal-President Putin.’

Filwaqt li hu illegali għas-Serbi li jiġġieldu fil-konflitti ‘il hinn minn pajjiżhom, l-ammont tas-Serbi li qed jitħarrġu minn Wagner ma jidhirx li hu xi wieħed sinifikanti.