Futbol Sport

Jamie Carbone jagħti rebħa fl-aħħar minuti lil Santa Lucia

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

STA LUCIA………….2

ŻEBBUĠ R…………..1

Sta. Lucia: M. C. Cremona, L. Fonseca, N. Pulis, R. Bairam, R. Hehedosh (M. A. Alba 46’), L. Ayad (J. Carbone 85’), D. Xuereb. J. Pisani, F. Farias, R. Soares, Y. Terzi

Żebbuġ R: J. Azzopardi, S. Bugeja (J. Sciberras 80’), L. Almeida, W. R. Santos, A. Mizzi (R. Vella 86’), S. Jankovic, C. L. Ngoy, E. Sanchez, J. Macedo (S. Miloskovic 72’), A. Soto (K. Bondin 86’), J. Gesualdi

Imwissija: A. Soto 36’, W. R. Santos 67’, R. Vella 89’ (Ż), L. Ayad 40’, Y. Terzi 45+1’, N. Pulis 90+4’ (Sl)

Tkeċċa: W. R. Santos 90+4’ (Sl)

Skorjaw: R. Bairam 1’, J. Carbone 90+2’(Sl), E. Sanchez 61’ (Ż)

Referee: Darryl Agius

Assistenti Referees: Edward Spiteri u Max-Lee Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Robert Bairam (Santa Lucia)

BOV Plejer tal-logħba: Robert Bairam (Santa Lucia)

B’gowl fil-ħin miżjud mis-sostitut Jamie Carbone, Santa Lucia komplew fejn ħallew fl-FA Trophy u kisbu rebħa importanti fil-kampjonat kontra Żebbuġ li ttihom ftit tan-nifs u ttellagħhom fit-12-il post bi 8 punti.

Santa Lucia fetħu l-iskor kmieni wara biss 20 sekonda logħob permezz tar-Rumen Binu Bairam li wara li dar ma’ difensur spara fix-xibka. Fil-35 minuta reġa’ kien l-istess Bairam li prova xutt minn qagħda angolata iżda l-ballun ħabat mal-ġenb tax-xibka.

Fil-50 minuta ċans għal Żebbuġ biex jiksbu d-draw bix-xutt ta’ Soto jkun milqugħ bi bravura minn Calleja Cremona.

Mas-siegħa logħob, l-iskwadra mmexxija minn Brian Spiteri rnexxielha ġġib id-draw meta dirett minn korner, il-kross ta’ Enrique Sanchez baqa’ dieħel fix-xibka ta’ Calleja Cremona għal 1-1.

Fit-68 minuta l-Yellows kienu sfortunati li ma sabux ix-xibka meta Yevhenii Terzi prova xutt b’saħħtu li stampa mal-mimduda.

Santa Lucia baqgħu jippressaw u s-sostitut Miguel Alba ra konklużjoni mill-viċin tkun milqugħa tajjeb minn Azzopardi, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Terzi li spara għoli.

Meta kollox deher li ż-żewġ timijiet kienu se jieħdu punt kull wieħed minn dan il-konfront, fit-tieni minuta tal-ħin barrani, s-sostitut Jamie Carbone kellu pjanijiet oħra hekk kif b’xutt fil-baxx għeleb lil Jamie Azzopardi għal 2-1.

Żebbuġ spiċċaw il-partita b’għaxar plejers wara li Wilker Rocha Santos ġie muri t-tieni karta safra fl-aħħar sekondi biex ftit wara r-referre Darryl Agius saffar tmiem il-konfront u tliet punti għal Santa Lucia.