Lokali

AĠĠORNATA: Jittajjar anzjan kaġun ta’ inċident bejn tliet vetturi f’Wied il-Għajn

Tliet minn nies kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei wara inċident bejn tliet karozzi fi Triq il-Gardiel Wied il-Għajn. L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 11:45am.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li karozza u vann baqgħu deħlin f’xulxin.

Kelliem għall-Pulizija qal li s-sewwieq tal-vann prova jevita l-ħabta iżda kaġun t’hekk baqa’ dieħel f’vettura pparkjata u b’riżultat ta’ dan ittajjar anzjan ta’ 75 sena residenti Marsascala.

Il-ħabta kienet bejn vann toyota dyna li kien misjuq minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħal Qormi u Toyota Yaris misjuqa minn mara ta’ 65 sena residenti Birżebbuġa. Fl-istess karozza kien hemm passiġġiera ta’ 40 sena residenti Marsascala.

Tim mediku mar fuq il-post sabiex jassisti filwaqt li l-ambulanzi ħadu l-anzjan ta’ 75 sena u ż-żewġ persuni li kienu fil-karozza l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Aktar tard, l-anzjan ta’ 75 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-mara ta’ 65 sena ġiet ċċertifikata li qed isofri minn ġrieħi ħfief. Il-mara ta’ 40 sena ma ġarrbitx ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.